“It-triq tal-ġustizzja f’pajjiżna se tkun twila u iebsa imma hija triq li jeħtieġ li nimxuha flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku fuq Radio 101 dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-investigazzjoni kriminali li se ssir dwar l-iskandlu tal-Panama.
“It-triq tal-ġustizzja f’pajjiżna se tkun twila u iebsa. Imma hija triq li jeħtieġ li nimxuha flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna u għall-ġid tal-poplu kollu. Dan hu importanti għaliex hu fl-interess tagħna li pajjiżna jitmexxa minn nies li huma onesti u mhux minn nies li huma korrotti,” qal il-Kap tal-PN.
Simon Busuttil qal li din il-ġimgħa, għall-ewwel darba minn mindu faqqa’ l-agħar skandlu ta’ korruzzjoni f’pajjiżna – l-iskandlu tal-Panama – ngħatat il-go ahead mill-Qorti biex issir investigazzjoni kriminali.
Bil-Kap tal-PN jgħid li għalkemm Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom dritt legali li jappellaw, dan ipoġġi ġudizzju politiku. Il-fatt li appellaw, juri li hemm il-faħam miblul.
“L-ewwel reazzjoni kienet “Mhux vera se ssir investigazzjoni kriminali”. L-għada appellaw mid-deċiżjoni tal-Maġistrat. Kieku mhux vera, tappella?” qal Simon Busuttil. “Tappella milli ssir investigazzjoni kriminali fuq xi ħaġa li kulħadd jaf li jeħtieġ li tiġi investigata? Xogħolhom li jaraw li ssir investigazzjoni u qed jagħmlu minn kollox biex jirreżistu l-investigazzjoni,” żied jgħid.
Simon Busuttil innota wkoll li l-appell għamluh f’ġurnata meta l-Imħallef tal-Għassa li jiġi quddiemu kien Imħallef li l-mara tiegħu hi Deputat Laburista.
Waqt li rrefera għall-mod kif saħansitra l-Pakistan tatna lezzjoni meta l-Qorti tagħha ordnat it-tkeċċija tal-Prim Ministru involut fil-Panama Papers, Simon Busuttil sostna li l-uniku tama li ssir ġustizzja f’pajjiżna hi f’idejn il-kuraġġ tal-Oppożizzjoni u l-Qrati Maltin.
Simon Busuttil qal li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista se jkollu r-responsabbiltà li jkompli l-ġlieda favur il-ġustizzja.
“Pajjiż li ma jkunx mibni fuq il-pedament tal-ġustizzja fejn il-liġi tkun l-istess għal kulħadd, ma jkunx jixraqlu li jissejjaħ pajjiż Ewropew, modern u demokratiku,” temm Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-affarijiet ma jitnaddfux b’elezzjoni, għax reat kriminali jibqa’ reat kriminali anke wara l-elezzjoni. Minħabba f’hekk, Simon Busuttil irrepeta l-impenn tiegħu li meta jispiċċa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, jibqa’ jiġġieled din il-ġlieda sakemm issir ġustizzja.
//= $special ?>