Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jitlob ir-rekuża tal-Imħallef Mizzi

Il-Partit Nazzjonalista jirrijafferma l-pożizzjoni tiegħu favur rispett sħiħ lejn il-ġudikatura ta’ pajjiżna.

Huwa appuntu għaliex jirrispetta bis-saħħa l-ġustizzja u l-indipendenza tal-ġudikatura li l-Partit Nazzjonalista se jitlob għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi milli jisma’ l-appell dwar jekk għandiex issir investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama Papers. Appelli li tressqu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Huwa fatt magħruf li mart l-Imħallef Mizzi hija d-Deputat Laburista Marlene Mizzi u għaldaqstant huwa naturali li wieħed jitlob li huwa m’għandux jiddeċiedi dan l-appell sabiex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tkun tidher li qed issir.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li dan mhux attakk fuq l-Imħallef Mizzi jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Anzi, bil-maqlub hija insistenza għal indipendenza sħiħa tal-ġudikatura, li bħalissa tinsab mhedda mill-Gvern Laburista li qed jaħtar politiċi prominenti Laburisti fil-bank tal-ġudikatura sabiex jikkontrolla l-unika organu tal-istat li s’issa għad m’għandux kontroll fuqu.

Fid-dawl ta’ dan, u b’rispett sħiħ lejn il-ġudikatura ta’ pajjiżna, l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss ppreżenta żewġ talbiet biex dan l-appell jinstema’ b’urġenza, iżda se jkun qed jagħmel talba formali skont il-liġi biex dan l-appell ma jinstemax mill-Imħallef li bħalissa tinsab quddiemu.

Dan il-pass se jkun qed isir biex tkun assigurata l-indipendenza tal-ġudikatura, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista mhux biss ħadem għaliha, iżda se jibqa’ jaħdem għaliha.

Aktar kmieni l-Kamra tal-Avukati fi stqarrija talbet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jirtira dak li qal meta staqsa Kif tista’ ssir ġustizzja jekk mart l-Imħallef hi Deputat Laburista?