Lokali

Il-PD bi proposti biex itejjeb id-dinjita’ tal-bniedem

Il-Partit Demokratiku nieda l-kampanja 2 L Campaign, fejn se jkun qed iressaq emendi fil-liġijiet dwar id-dinjita' tal-bniedem

Il-Partit Demokratiku nieda l-kampanja 2L Campaign, fejn iż-żewġ Membri Parlamentari Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia se jkunu qegħdin iressqu numru ta’ emendi fil-liġi dwar temi li jirrelataw mad-dinijita’ tal-bniedem.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja tal-Parlament, il-kelliema f’isem il-Partit Demokratiku qalu li se jibdew billi jindirizzaw il-problemi li jaffaċċjaw il-vittmi ta’ stupru u kif ukoll it-tfal tagħhom, fejn infetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni mas-soċjetajiet ċivili u organizzazzjonijiet non governattivi dwar dan is-suġġett.

Il-Partit Demokratiku qal li hemm bżonn bidla fil-liġijiet ta’ Malta sabiex ngħinu lil dawn in-nies li jsofru t-trawma u riperkussjonijiet minnha tul ħajjithom kollha, u kif ukoll jissaħħu l-liġijiet għad-detriment tal-aggressur li wettaq l-istupru.

Fl-emendi proposti mill-Partit Demokratiku dwar ir-reat ta’ stupru ġie propost li l-vittma tal-istupru jkollha d-dritt li tfittex lill-aggressur, fejn saħansitra jiġi tterminat d-dritt ta’ ġenitur mill-aggressur.  Fl-istess ħin, l-aggressur irid ikun responsabbli għal għemilu u jkun obbligat li jħallas manteniment tat-tfal.

Il-kelliema temmu jgħidu li hemm bżonn indaħħlu miżuri fil-liġi li jipproteġu u jappoġġjaw id-dinjita’ tal-bniedem u li nipproteġu lit-tarbija li għadha ma twelditx.