Bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni mhux se nittollera lil min jagħmel vendikazzjoni politika man-nazzjonalisti. Dan qalu Chris Said- Kandidat għal elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. F’kumment lill-media Said qal li bħalissa għaddejja mewġa ta’ transfers vendikattivi fuq persuni li ma jappoġġjawx lil dan il-Gvern. Din il-mewġa ta’ transfers vendikattivi hi xhieda ta’ Gvern li jgħid mod u jagħmel ieħor.
“Quddiem din id-diskriminazzjoni Muscat, Chris Fearne u Chris Cardona se jsibu lili u l-Partit Nazzjonalista. Biex jgħaddu minn fuqkom l-ewwel iridu jgħaddu minn fuqi. L-esperjenza tiegħi fil-politika tagħtini vantaġġ li naf in-nies u l-interessi tagħhom. Jien dejjem ħriġt għonqi għall-Partit Nazzjonalista, u bħala Kap tal-partit se nkun qed niddefendi l-interessi tan-nazzjonalisti u kull min hu ġenwin u tal-affari tiegħu.” Kompla jgħid Chris Said.
Qal wkoll li meta jidħol każ ta’ transfer politiku vendikattiv se jidħol fil-każ u fejn hu meħtieġ jesponi lil min ikun il-moħħ wara dak it-transfer.
Il-ħaddiema, qal Chris Said, min jgħinhom iridu mhux min jagħmlilhom ħajjithom infern. Mhux aċċettabbli li dipartimenti tal-Gvern jinbidlu f’każini tal-labour. Dan l-aħħar qed nisimgħu kif dipartimenti tal-Gvern, u saħansitra istituzzjonijiet, bħalma huwa l-Korp tal-Pulizija, qed isiru bejta ta’ klikka ta’ nies li l-interess tagħhom hu l-aġenda tal-Partit Laburista u mhux taċ-ċittadin, dan mhux se nittollerah aktar, qal il-kandidat ghall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
Chris Said spjega kif matul is-snin, inkluż taħt gvernijiet nazzjonalisti, nazzjonalisti ġenwini ngħataw il-ġenb. Jien ma rridx naġevola lil dak li jkun għax hu nazzjonalist, naġevola lil min hu ġenwin, iżda lanqas nista’ naċċetta li nazzjonalist, ġenwin u li tul is-snin ta saħħtu lil partit, jispiċċa jiġi mwarrab, injorat u mgħoti l-ġenb, temm jgħid il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
//= $special ?>