Lokali Qorti

€10,000 għal ġiżirana ta’ vittma ta’ delitt li kienet sparixxiet

Matthew Zahra, vittma ta' delitt
Wieħed mix-xhieda kien qal li qabel ma difen lil Matthew Zahra u għatta ġismu bil-ħamrija, wieħed mill-akkużati kien ħa l-ġiżirana ta' Zahra minn fuq għonqu

Ġiżirana li kienet propjetà ta’ vittma ta’ delitt, u li kienet għebet waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, għadha mitlufa. Iżda l-Pulizija se jkunu qed iħallsu mal-€10,000 bħala kumpens lill-familja tal-vittma.

Il-każ hu dwar il-ġiżirana ta’ Matthew Zahra, xufier ta’ taxi li kien inqatel fl-2012. Il-katavru tiegħu kien instab fl-2013 f’għalqa fil-Qajjenza.

Il-giżirana kienet spiċċat fil-pussess tal-Pulizija wara li dawn kienu arrestaw lill-akkużati: Jason Galea u Ronald Urry. Tlett snin ilu, Alfredo Attard, wieħed mix-xhieda, kien qal fil-Qorti li qabel ma difen lil Matthew Zahra u għatta ġismu bil-ħamrija, Ronald Urry kien ħa l-ġiżirana ta’ Zahra minn fuq għonqu.

Il-każ tal-ġiżirana imbagħad kien tqajjem fil-Qorti f’Lulju tal-2014 meta l-familja kienet talbet lill-Qorti tordna r-rilaxx tal-ġiżirana sabiex il-familja tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom. Imma dakinhar, fil-Qorti l-Pulizija kienu qalu li l-ġiżirana kienet sparixxiet waqt l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Zahra.

Il-katavru ta’ Matthew Zahra kien instab ħdejn il-katavri ta’ Mario Camilleri magħruf bħala ‘L-Imnieħru’ u ibnu Mario Camilleri ‘Junior’.

Intant, fil-Qorti, il-Pulizija qalu li se jkunu qed iħallsu l-€10,000 f’kumpens ladarba joħroġ iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ Matthew Zahra.