– Il-PN isostni li Chris Cardona u Chris Fearne ma jridux li titwettaq ġustizzja
Il-Viċi-Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ma weġibx mistoqsijiet diretti dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u l-kuntratti marbuta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministru tas-Saħħa ma weġibx dwar din il-privatizzazzjoni u tefa’ kollox fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Issa hu magħruf x’ħeba l-Gvern; il-VGH se jagħmlu investiment ta’ €200 miljun fl-isptarijiet ta’ San Luqa, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Karen Grech iżda l-poplu se jħallas €70 miljun fis-sena għal 30 sena…€2 biljun ewros.
L-iskop tal-konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne u mid-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kienet li jattakkaw il-Partit Nazzjonalista.
NET TV News staqsa lill-Ministru Fearne x’benefiċċji se jieħu l-poplu Malti minn din il-privatizzazzjoni, jekk hux kuntent bil-mod kif saru t-trattattivi u min hemm wara l-VGH. Il-Ministru Fearne wieġeb biss li l-gvern se jistenna r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar din il-privatizzazzjoni.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema Laburista attakkaw lil Simon Busuttil għall-kampanja kontra l-korruzzjoni u lill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija l-PN qal li Chris Cardona u Chris Fearne ma jridux li titwettaq ġustizzja.Filwaqt li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jagħmlu minn kollox biex il-Qorti ma tinvestigax l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, llum bagħtu lil Chris Cardona u lil Chris Fearne jinsistu li Kap ġdid Nazzjonalista ma jassigurax li titwettaq ġustizzja f’pajjiżna. Hu ċar li l-protagonisti tal-akbar skandlu ta’ korruzzjoni f’pajjiżna qed jibżgħu mill-ġustizzja u qed jagħmlu minn kollox biex din ma titwettaqx.
Il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit politiku f’Malta li qed jiġġieled biex titwettaq ġustizzja f’pajjiżna. Dan qed jagħmlu u se jibqa’ jagħmlu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Ir-reati kriminali ma tnaddfux mal-elezzjoni ġenerali, iżda dak li kien ħażin sa xahrejn ilu, għadu u jibqa’ ħażin u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li titwettaq ġustizzja ma’ min wettaq reati kriminali.
//= $special ?>