Waqt laqgħa distrettwali għar-4 Distrett li saret il-bieraħ filghaxija fil-Kazin tal-PN ta’ Ħal Tarxien, il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione tkellem fuq il-viżjoni tiegħu għat-tisħiħ ta’ l-ekonomija tal-pajjiż għas-settur tal-middle class.
Waqt li kien qiegħed iwieġeb waħda minn numru ta’ mistoqsijiet min-nies preżenti għal din il-laqgħa, Alex Perici Calascione fisser kif bħala riżultat tal-mod kif tmexxiet l-ekonomija tal-pajjiż f’dawn l-aħħar 4 snin, illum tfaċċat sitwazzjoni fejn parti żgħira mill-klassi medja inqatgħet u mxiet ‘ l fuq filwaqt illi l-parti l-kbira spiċċat f’sitwazzjoni fejn il-ġid li jinħoloq mhux qed jilħaqha.
Dan għaliex l-ispejjeż biex ilaħħqu ma l-istil ta’ ħajja li kienu mdorrijin jgħixu, qegħdin jiżdiedu aktar u aktar.
Alex Perici Calascione stqarr illi għalhekk numru sew ta’ familji fis-soċjeta’ Maltija qegħdin minn naħa jaraw li uħud madwarhom jistagħnew u jimxu ‘l quddiem, filwaqt illi huma, forsi għall-ewwel darba, qed ikollhom inkwiet serju għal kif ser ikomplu jgħixu l-ħajja tagħhom mingħajr inwkiet.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun hemm għal dawn in-nies sostna Alex Perici Calascione sabiex filwaqt illi min jista’ jimrah ma jinżammx lura, il-politika ekonomika tagħti attenzjoni partikolari biex tissaħħaħ il-klassi medja tradizzjonali li kienet minn dejjem mutur ewlieni biex jitkattar u jitqassam il-ġid fil-pajjiż.
//= $special ?>