Id-deputati parlamentari fil-Pakistan qed jeleġġu Prim Ministru minflok Nawaz Sharif li twarrab, il-ġimgħa l-oħra, b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u wara li leak ta’ informazzjoni mill-Panama Papers rabat lill-uliedu ma’ kumpanniji offshore u assi li ma jidhrux fl-istqarrija uffiċjali tal-ġid tal-familja Sharif.
Il-partit fil-Gvern, intant, innomina lill-eks Ministru taż-Żejt, Shahid Khaqan Abbasi, biex iservi bħala Mexxej proviżorju tal-Pakistan, bil-ħsieb li hu jkompli sakemm Shahbaz Sharif – ħu l-eks Prim Ministru Nawaz Sharif – ikun jista’ jieħu t-tmun tal-Gvern f’Islamabad. Shahbaz Sharif hu l-Ministru Ewlieni għall-provinċja ta’ Punjab u jeħtieġ jirbaħ by-election parlamentari biex ikun eliġibbli għal Prim Ministru.
Għalkemm il-partiti tal-Oppożizzjoni wkoll innominaw lill-kandidati, il-Partit tal-Lega Musulmana-Nawaz (PML-N) għandu maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali, u Khaqan Abbasi – alleat antik ta’ Nawaz Sharif — mistenni li jirbaħ dan il-vot.
Filwaqt li Shahbaz Sharif għandu jikkuntesta s-siġġu parlamentari li tħalla vojt wara r-riżenja ta’ Nawaz, dan il-proċess mistenni jdum talanqas 45 ġurnata.
It-tielet mandat ta’ poter għal Nawaz Sharif intemm nhar il-Ġimgħa meta hu rriżenja wara deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Pakistan biex tiskwalifikah mill-kariga.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara investigazzjoni dwar il-ġid tal-familja ta’ Sharif b’effett tal-Panama Papers, bil-Qorti Suprema tiddikjara li Nawaz Sharif kien wera diżonestà meta ma żvelax dak li qala’ minn kumpannija bbażata fid-Dubaj ( u li kien żvelat fil-leak) waqt l-elezzjoni ġenerali tal-2013 fil-Pakistan.
Din il-qorti rakkmandat li jitressqu każi dwar il-korruzzjoni kontra numru ta’ individwi, fosthom Nawaz Sharif; bintu Maryam u r-raġel tagħha Safdar; kif ukoll il-Ministru għall-Finanzi Ishaq Dar u oħrajn.
//= $special ?>