Lokali

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi kontra ż-żenofobija u l-omofobija

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista rrefera għal kummenti li saru minn wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni u dwar id-drittijiet ta’ persuni gay.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-politika tiegħu titratta lil kull bniedem bir-rispett li jixraqlu u hija favur il-prinċipju ta’ tolleranza u kontra kull forma ta’ żenofobija. Kull kumment li jista’ jrewwaħ sentiment żenofobiku, kemm direttament kif ukoll indirettament, imur kontra l-prinċipji u l-valuri tal-Partit Nazzjonalista u l-linja tal-partit.

Dwar id-drittijiet ta’ persuni gay, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-politika tiegħu hija favur ir-rispett sħiħ ta’ kull persuna irrispettivament mill-inklinazzjoni sesswali tagħha u kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni a bażi ta’ inklinazzjoni sesswali. Għaldaqstant kull kumment li jista’ jqajjem sentiment omofobiku, kemm direttament kif ukoll indirettament, ukoll imur kontra l-prinċipji u l-valuri tal-Partit Nazzjonalista u l-linja tal-partit.

Il-Partit Nazzjonalista jappella li, waqt il-kampanja għal elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-partit, kull kandidat għandu jiftakar li r-rwol ta’ Kap tal-partit huwa qabel kollox li jħaddan il-politika u li jagħti eżempju tal-valuri u l-prinċipji mniżżla fl-istatut tal-partit.