Internazzjonali

Il-White House: Jitkeċċa d-Direttur tal-Komunikazzjoni wara għaxart ijiem fil-kariga

It-taqlib fl-amministrazzjoni tal-Istati Uniti kompla bil-konferma li Anthony Scaramucci, sigħat ilu, tneħħa minn Direttur tal-Komunikazzjoni tal-White House wara li kien ilu biss għaxart ijiem fil-kariga.

Scaramucci kien kiseb ir-reputazzjoni tiegħu bħala finanzjatur ma’ Wall Street u fl-aħħar jiem hu kien mira ta’ kritika qalila wara li tkellem b’mod dispreġjattiv ħafna dwar eks-kollegi tiegħu fil-White House.

Meta Scaramucci inħatar fir-rwol ta’ Direttur ta’ Komunikazzjoni, Reince Priebus spiċċa minn chief of staff tal-White House waqt li Sean Spicer ma kompliex fir-rwol tiegħu bħala l-kelliem għall-Amministrazzjoni f’Washington.

Id-deċiżjoni biex jitneħħa Scaramucci ttieħdet mill-Ġeneral John Kelly, l-eks Segretarju għas-Sigurtà Interna, li għadu kemm ħa l-ġurament bħala l-Kap tal-Istaff ġdid tal-President Amerikan Donald Trump.

L-indikazzjonijiet huma li lanqas Trump ma kien kuntent bil-prestazzjoni ta’ Scaramucci bħala Direttur tal-Komunikazzjoni, bil-President Amerikan jaqbel li l-kummenti pubbliċi li għadda Scaramucci dwar il-kollegi tiegħu ma kenux xierqa għal persuna fil-pożizzjoni tiegħu.

Qed jingħad ukoll li Anthony Scaramucci mhux se jingħata rwol ieħor mal-White House.