“Ir-rivoluzzjoni fil-ħsieb u l-Mod Ġdid kif immexxu jridu jibdew minn fost iż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li dejjem kienu l-protagonisti tal-bidla.” Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN, f’laqgħa li kellu mal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Adrian Dellia fakkar liż-żgħażagħ meta hu, flimkien ma mijiet oħrajn, kienu attivi fl-MZPN meta f’pajjiżna kienet għaddejja l-ġlieda għad-demokrazija u l-liberta ta l-espressjoni.
“Dak iż-żmien ħadulna l-iskejjel u ma stajniex niftħu ħalqna, imma s-sewwa rebaħ,” qal Adrian Delia.
Adrian Delia tenna li “reġa wasal iż-żmien li l-MŻPN ikunu l-protagonisti tal-bidla fi ħdan il-partit u l-pajjiż.” Hu fisser kif matul l-aħħar elezzjoni eluf ta’ żgħażagħ li vvotaw għall-ewwel darba sabu fil-Partit Nazzjonalista id-dar naturali tagħhom. “Din il-mewġa ta entużjażmu minn fost iż-żgħażagħ trid tibqa għaddeja fil-partit sabiex nagħmlu l-bidliet meħtieġa u naddottaw Mod Ġdid li jwassalna għal rebħa,” qal Adrian Delia waqt li ddeskriva d-diżappunt tiegħu li fi ħdan il-Kunsill Ġenerali ż-żgħażagħ huma l-inqas rappreżentati fost il-faxex ta’ etajiet differenti. “Irridu naħdmu biex iżjed l-influenza taż-żgħażagħ fl-isferi kollha tal-partit,” qal Adrian Delia.
Ma’ l-MŻPN Adrian Delia tkellem dwar l-isfidi li qed jiffaċċaw ż-żgħażagħ illum fejn fost l-oħrajn qed jitnaqqru l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi ma jiżdiedux. Sfida oħra hi li ħafna żgħażagħ li jixtiequ jkomplu jistudjaw mhux qed isibu l-appoġġ meħtieġ biex jimirħu fl-istudji li jixtiequ.
Ġew diskussi wkoll d-drittijiet ċivili fejn iż-żgħażagħ preżenti wrew id-diżappunt tagħhom li l-Gvern Laburista inqeda b’dan is-settur biex jidher sabih hu. “Il-PN dejjem kien il-partit tat-tolleranza u fi ħdanu minn dejjem ħaddan d-diversita’,” qal Adrian Delia. “Ma kienx hemm għalfejn nitħawdu u nitfixklu quddiem realtajiet soċjali li kważi kull familja Maltija u Għawdxija tmiss magħhom kemm jekk minn qrib kif ukoll jekk mill-bogħod.”
Adrian Delia fakkar fil-proposta li qed jagħmel hu li jekk ikun Kap tal-PN jiftaħ diskussjoni fil-Grupp Parlamentari sabiex jitlaħaq ftehim liema huma temi etiċi u morali li fuqhom hemm qbil waqt li jiġi dikjarat liema huma t-temi li fuqhom għandu jingħata free vote. “Wara li nifthemu mmorru għand il-Gvern u l-PD u nħeġġuhom biex jagħmlu bhalna sabiex inneħħu l-politika partiġjana minn temi sensittivi,” qal Adrian Delia.
Hu sostna wkoll kif fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar iżjed proposti li jolqtu mill-qrib liż-żgħażagħ. Adrian Delia qal li jixtieq jara iżjed sinerġija fi ħdan il-PN fejn l-entużjażmu taż-żgħażagħ jitħallat ma l-għerf u l-esperjenza ta’ l-anzjani. “Kulħadd għandu jkun ma l-istess mejda biex flimkien noħolqu politika għan-nies min-nies,” temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>