Lokali

L-ebda ħjiel minn Muscat dwar meta se jinstab sieħeb strateġiku għall-Air Malta

Joseph Muscat waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ (Ritratt: Martin Agius)

F’opportunità li jitkellem dwar l-Air Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jagħti ħjiel ta’ meta l-Gvern hu mistenni jħabbar xi żviluppi dwar imsieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali tal-ajru.

In-nuqqas tal-Gvern li jsib sieħeb strateġiku biex l-Air Malta tqum fuq saqajha hija meqjusa bħala waħda mill-fallimenti tal-Gvern tal-aħħar leġiżlatura, u issa jidher li l-futur hu inċert f’dan ir-rigward.

Meta kien qed jitkellem f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, u fil-preżenza tal-Ministru responsabbli għall-Air Malta Konrad Mizzi, il-Prim Ministru sempliċiment qal li l-Air Malta hija sfida ewlenija għall-Gvern.

Qal li l-Air Malta għandha żżid il-flotta u r-rotot waqt li tibqa’ tkun relevanti biex tgħaqqad il-kontinent Afrikan mal-kontinent Ewropew. Mingħajr ma qal fiex wasal il-Gvern fit-tfittxija ta’ sieħeb strateġiku ġdid, Muscat sempliċiment qal li l-Gvern huwa kommess li jsib sieħeb strateġiku.

Sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, Konrad Mizzi kien qed jgħid li l-Gvern għadu jrid jara x’tip ta’ “partnership” se jkollha l-Air Malta u li ma kinux qed isiru diskussjonijiet mal-ebda konsorzju partikolari. Dawn il-kummenti kienu saru ftit jiem biss wara li Muscat kien qal bil-maqlub, u cioè li kienu għaddejjin taħdidiet avvanzati ma’ konsorzju partikolari.

Konrad Mizzi, responsabbli mill-Air Malta, waqt il-laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ (Ritratt: Martin Agius)