Il-belt ta’ Pariġi se torganizza l-Olimpjadi tal-2024 wara li l-belt ta’ Los Angeles aċċettat li torganizza l-edizzjoni ta’ erba’ snin wara fl-2028. Għal Kumitat Olimpiku Internazzjonali din hi deċiżjoni storika għaliex għall-ewwel darba mill-1896 mill-ewwel Olimpjadi ta’ Ateni, intlaħaq ftehim mal-bliet kandidati wara li l-KOI sab quddiemu żewġ kandidati biss għall-edizzjoni ta’ wara Tokyo 2020.
Deċiżjoni bħal din tfisser mhux biss tnaqqis bil-budget tal-organizzazzjoni fejn mhux se jkun hemm spejjeż li jwasslu għal evalwazzjoni ta’ belt olimpika iżda wkoll sas-sena 2028 se jinqatgħu ċerti spekulazzjonijiet li dejjem ikun hemm fil-preżentazzjoni ta’ kandidatura Olimpika.
Kien il-President Thomas Bach li fl-aħħar laqgħat li saru f’Lausanne kien wera x-xewqa li Pariġi u Los Angeles jaslu fi ftehim dwar min jorganizza l-Olimpjadi għaż-żewġ edizzjonijiet li jmiss.
Għal Pariġi se tkun ukoll okkażjoni storika fejn filwaqt li l-Olimpjadi se jirritornaw wara mitt sena mill-aħħar edizzjoni tal-1924, se tkun it-tielet darba li l-Pariġi torganizza l-Logħob fejn l-ewwel darba kien fl-1900.
Kien hemm kummenti pożittivi mill-President ta’ Franza Emmanuel Macron kif ukoll mis-Sindku ta’ Pariġi Anne Hidalgo li flimkien mal-Kap tal-Kumitat Organizattiv Tony Estranguet urew is-sodisfazzjon għal mod kif dan il-ftehim wera wkoll maturità minn min jorganizza l-isport fl-ogħla livell.
Bl-Olimpjadi ta’ Pariġi, l-Olimpjadi jirritornaw ukoll fl-Ewropa wara li l-aħħar edizzjoni fl-Ewropa kienet fl-2012 f’Londra bl-edizzjonijiet ta’ wara jsiru f’Rio sena ilu u f’Tokyo fl-2020.
L-Olimpjadi se jirritornaw f’Los Angeles fl-2028. Dan tħabbar uffiċjalment mis-sindku ta’ Los Angeles Eric Garcetti wara li tħabbar uffiċjalment li ntlaħaq ftehim mal-belt ta’ Pariġi biex fil-Kungress tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fit-13 ta’ Settembru f’Lima,ma jkunx hemm elezzjoni.
//= $special ?>