Internazzjonali

Persuni jinqatlu waqt sparatura ġo qorti ta’ Moska

Talanqas erba’ persuni spiċċaw maqtula waqt sparatura li seħħet ftit ilu, ġo awla tal-qorti, f’sobborg ta’ Moska, fir-Russja. L-isparatura ħalliet ukoll numru ta’ midruba, fost rapporti li l-feruti jinkludu gwardjan armat.

Intant, kelliema għall-Qorti Reġjonali ta’ Moska spjegaw li l-inċident seħħ waqt li kien qed jinstama’ każ assoċjat ma’ grupp kriminali, magħmul minn disa’ persuni li għamlu żmien ‘jitterrorizzaw it-toroq tal-kapitali’.

Rapporti oħra qalu li l-isparatura saret meta wħud mill-imputati fil-qorti pruvaw jaħtfu l-armi lill-uffiċjali tas-sigurtà li kienu preżenti madwarhom. Ingħad ukoll li l-imputati kellhom ħsieb li jaħtfu l-ostaġġi u li l-erba’ maqtula kienu kollha membri tal-gang.

Wara li bdiet l-isparatura, l-uffiċjali fil-qorti ma tilfux il-ħin biex joħorġu lin-nies u l-membri tal-istaff ‘il barra mill-bini.

Il-membri tal-gang li tressqu l-qorti huma akkużati dwar sensiela ta’ omiċidji fejn il-vittmi kienu qed isuqu l-vetturi tagħhom minn Moska.

L-istampa kienet laqqmet lill-kriminali bħala ‘il-gang tal-Grand Theft Auto’, b’referenza għal-logħba tal-video vjolenti li għandha dan l-isem.

Il-prosekuturi qalu li l-membri tal-gang kienu jqiegħdu l-oġġetti puntati fit-toroq bir-riżultat li s-sewwieqa tal-karozzi kienu jinżlu mill-vetturi tagħhom u fejn il-kriminali kienu jiftħu n-nar fuqhom, b’konsegwenzi fatali.

L-imputati – li ġejjin kollha mill-Asja Ċentrali – huma akkużati bi 17 il-każ ta’ omiċidju u attentati oħra fuq il-ħajja tan-nies, bil-vittmi tagħhom jinkludu anki pulizija.

Il-karriera kriminali tal-gang tant inkwetat lill-awtoritajiet li s-servizzi sigrieti Russi tal-FSB involvew ruħhom fl-investigazzjoni, bil-President Russu, Vladimir Putin, jieħu interess personali f’dan il-każ ‘ta’ natura terroristika’.