Lokali

RITRATTI: “Ħasbuhom sparaturi” – Se jinħarġu akkużi kontra l-Malti li ħoloq kaos fl-Ibraġġ

Raġel li rrifjuta li jagħmel test tal-breathalyzer ħabat f'tal-anqas żewġ vetturi u baqa' tiela fuq bankina fejn kien hemm in-nies

Il-Pulizija se toħroġ akkużi kontra Malti ta’ 58 sena mill-Mosta li tard it-Tnejn filgħaxija ħoloq kaos fl-Ibraġġ meta ħabat f’żewġ vetturi u pperikola ħajjet persuni li kienu qed jieklu f’kafetterija.

Fl-inċident, ir-raġel laqat xejn inqas minn żewġ vetturi bil-karozza tiegħu. Fl-istess inċident, ir-raġel spiċċa wkoll biex laqat għamara ta’ kafetterija fejn kienu qed jieklu n-nies.

Kelliema għall-Pulizija qalet lil NET News li r-raġel jidher li kien taħt l-effett tal-alkoħol meta dan wassal biex beda jsuq bl-addoċċ fi Triq Ta’ L-Ibraġġ.

L-ewwel vettura li ħabat ġo fiha kienet ipparkjata faċċata l-kafetterija ‘Vago’. Aktarx minħabba l-paniku tal-mument, l-istess vettura imbagħad immedjatament instaqet bil-lura biex baqgħet dieħla f’pjanti kbar li kienu fuq il-bankina quddiem il-bieb tal-kafetterija.

L-ewwel karozza li ntlaqtet kienet faċċata l-kafetterija ‘Vago’
Wara li ntlaqtet karozza faċċata l-kafetterija, il-vettura nstaqet bil-lura u baqgħet dieħla fil-qsari ta’ fuq din il-bankina.

B’konsegwenza, il-qsari nkisru iżda fortunatament servew biex laqgħu l-impatt tal-karozza, tant li l-inċident ma kellux konsegwenzi ferm aktar gravi. Dan peress li fuq il-bankina kien hemm numru ta’ persuni bilqgħeda fuq l-imwejjed barra din il-kafetterija.

Wara li baqa’ dieħel fil-qsari, il-vettura reġgħet instaqet għal nofs it-triq u ħabtet ma’ karozza oħra li dak il-ħin inzertat kienet għaddejja mit-triq.

Il-kafetterija ‘Vago’ fejn kien hemm in-nies jieklu meta seħħ l-inċident. (Ritratt: Martin Agius)

Ħaddiem tal-kafetterija fisser lil NET News li l-ħsejjes tal-karozza taħbat ġo vetturi oħra qanqlet kurżità fost ħafna nies li bdew ġejjin minn kull direzzjoni biex jaraw x’ġara. Qalilna li ħafna ħasbu li kienu ġew sparati xi tiri.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart u l-istess ħaddiem spjega li l-Pulizija waslu fuq il-post ftit tal-ħin wara. Qalilna wkoll li r-raġel ma rreżistiex l-arrest u kkopera mal-Pulizija, liema informazzjoni kienet ikkonfermata wkoll minn kelliema għall-Pulizija.

Skont informazzjoni tal-Pulizija, il-Malti rrifjuta li jagħmel test tal-breathalyzer u se jkunu qed jinħarġu akkużi kontrih biex eventwalment jitressaq il-Qorti.

Fl-inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi, fortunatament ma weġġa’ ħadd.

Se jkunu qed jitressqu akkużi fil-konfront tal-Malti li ħoloq il-kaos fl-Ibraġġ