Lokali

Is-smiegħ dwar it-talba għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi għas-16 ta’ Awwissu

Is-smiegħ dwar it-talba tal-Partit Nazzjonalista għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi milli jisma’ l-appell dwar jekk għandhiex issir investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama Papers mistenni għas-16 ta’ Awwissu quddiem l-istess Imħallef. L-Appelli tressqu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers, wara li l-Maġistrat Ian Farrugia iddikjara li għandha tinfetaħ investigazzjoni kriminali.

Fi stqarrija ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista qal li huwa fatt magħruf li mart l-Imħallef Mizzi hija d-Deputat Laburista Marlene Mizzi u għaldaqstant huwa naturali li wieħed jitlob li huwa m’għandux jiddeċiedi dan l-appell sabiex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tkun tidher li qed issir.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan mhux attakk fuq l-Imħallef Mizzi jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Anzi, bil-maqlub hija insistenza għal indipendenza sħiħa tal-ġudikatura, li bħalissa tinsab mhedda mill-Gvern Laburista li qed jaħtar politiċi prominenti Laburisti fil-bank tal-ġudikatura sabiex jikkontrolla l-unika organu tal-istat li s’issa għad m’għandux kontroll fuqu.

Aktar kmieni ilbieraħ,  il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija talbet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jirtira dak li qal meta staqsa “Kif tista’ ssir ġustizzja jekk mart l-Imħallef hi Deputat Laburista?”