Lokali Qorti

Tkeċċa mill-FIAU tliet ijiem wara l-kummenti ta’ Edward Scicluna

Eks manager tal-Financial Intelligence Analysis Unit, li tkeċċa mill-istess FIAU f’Ġunju li għadda, ressaq rikors quddiem it-Tribunal Industrijali fejn qed jinsisti li tkeċċa b’mod diskriminatorju wara li beda jinvestiga uffiċjali għolja tal-Gvern li huma “politically exposed persons” (PEP).

Jonathan Ferris, inħatar bħala Manager fis-sezzjoni tal-analiżi finanzjarja f’Novembru 2016. Ir-rikors spjega kif Ferris, li kien spettur fit-taqsima kontra r-reati ekonomiċi tal-Korp tal-Pulizija, kien talab secondment biex jaħdem mal-FIAU wara li kienu uffiċjali tal-istess aġenzija li ħajjruh jingħaqad magħhom. Is-secondment kien miċħud u għalhekk kien irriżenja mill-Korp.

Ir-rikors ikompli li t-tkeċċija tiegħu f’Ġunju li għadda, waqt iż-żmien tal-probation, saret ftit jiem biss wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li hu responsabbli mill-FIAU, għamel kummenti pubbliċi li juru biċ-ċar, l-isfond politiku partiġġjan li fih saret it-tkeċċija tiegħu.

Fil-fatt, fit-13 ta’ Ġunju ta’ għadda, tliet ijiem biss qabel id-data li tkeċċa Ferris,  Edward Scicluna kien staqsa jekk ir-rapporti tal-FIAU inkitbux apposta biex jiġu ‘leaked’.

Fil-kors tal-qadi ta’ dmirijietu, Jonathan Ferris kien qed jagħmel investigazzjonijiet dettaljati fil-konfront ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern li huma “Politically Exposed Persons” (PEP) u dan fil-kuntest ta’ kontroversji politiċi. Jidher li l-pass li ttieħed fil-konfront tiegħu kien intiż biex jintimidah jew jimpedieh milli jġib ir-riżultati f’dawn l-investigazzjonijiet.

Ir-rikors ikompli illi mhux veru li kien hemm raġunijiet oħra għat-tkeċċija tiegħu  għaliex hu kien bniedem fdat li rrappreżenta lill-istess FIAU f’fora internazzjonali u ma kien hemm ebda tebgħa fuq il-prestazzjoni tiegħu, la waqt l-impjieg tiegħu mal-FIAU u lanqas mal-Korp tal-Pulizija.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Roselyn Borg, Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona