Internazzjonali

Venezwela: Elezzjonijiet farsa – PN

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ partiti demokratiċi oħra u jikkundanna bil-qawwa dak li seħħ fil-Venezwela. L-elezzjonijiet farsa li ġew organizzati mir-reġim soċjalista tal-President Nicolas Maduro m’għandhomx jiġu aċċettati u rikonoxxuti.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici  u mill-Kelliem għall-Affarijiet Ewropej David Stellini jinnota li tul dawn l-aħħar xhur, is-sitwazzjoni politika marret ferm aktar għall-agħar. Tul dawn l-aħħar xhur, rajna Gvern aktar awtoritarju, li qed ikompli jneħħi s-separazzjoni tal-poter u joħnoq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u dik tal-għaqda u l-assoċjazzjoni.

Il-PN fl-istqarrija sostna li d-demokrazija f’dan il-pajjiż qegħda biċċa biċċa tiġi żarmata bl-istess metodu li dittaturi oħra għamlu f’sekli u żminijiet oħra. Diġà rajna li żewġ appuntamenti demokratiċi – dak tar-referendum għat-tneħħija tal-President kif ukoll dawk tal-elezzjonijiet reġjonali – twaqqfu irregolarment mir-reġim.

Issa l-elezzjonijiet ġenerali huma parti minn din l-istrateġija anti-demokratika li qed iservu biss biex jiġu eletti membri tal-Partit Soċjalista fejn il-koalizzjoni tal-Oppożizzjoni Mesa de la Unidad Democratica (MUD) immexxija minn Henrique Capriles titlef kull saħħa politika istituzzjonali. Għalhekk ġie organizzat bojkot mill-Oppożizzjoni li kien effettiv għax kien biss 18.5% tal-poplu li mar jivvota.

Kif kien qal tant tajjeb Rafael Caldera, President demokratiku kristjan ta’ dak il-poplu, “id-demokrazija trid tissielet ma’ ħafna ostakli u diffikultajiet biex tibqa’ ħajja fid-dinja moderna tal-lum”.

Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, li ġġieled f’diversi ċirkostanzi simili hu wkoll għad-demokrazija f’pajjiżna, l-ewwel jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Oppożizzjoni demokratika b’mod partikolari mal-partit demokratiku Kristjan COPEI, u t-tieni jappella b’saħħa biex pajjiżna wkoll jingħaqad ma’ diversi stati oħra fl-Unjoni Ewropea biex jikkundanna dak li ġara u ma jirrikonoxxix bħala leġittimi l-elezzjonijiet farsa li saru.