Elezzjoni Kap PN Lokali

Ekonomija b’saħħitha hi dik li tasal għand kulħadd – Alex Perici Calascione

Iż-żieda fil-prezz taċ-ċilindru tal-gass li tħabbret mingħajr mistenni mhijiex biss żieda ta’ prodott fih innifsu. Żgur li għal kull min intlaqat minnha, u dawn huma żgur ħafna, hija żieda li teffettwahom.

Sostan dan il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Alex Perici Calascione f’kumment li kiteb fuq Facebook.

Fil-kumment Perici Clascione kompla jikteb kif dak li l-aktar huwa ta’ nkwiet pero’ huwa l-ħsieb illi filwaqt li żgur li hemm setturi fis-soċjeta’ tagħna li qegħdin jimxu ‘l quddiem u anke jistagħnew ħafna, hemm setturi sħaħ li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin isibuha diffiċli li jżommu livell ta’ għejxien deċenti.

Alex Perici Calascione kompla jgħid li meta nitkellmu dwar “setturi” qed nitkellmu dwar persuni – irġiel u nisa, kemm dawk li għadhom qed irabbu; dawk li għandhom familja qed tikber u dawk li wasslu għall-eta’ tal-penzjoni, fejn l-inkwiet dwar l-għejxien jiżdied u jiżdied sew.

Ekonomija tassew b’saħħitha hija dik li tasal għand kulħadd. Huwa d-dmir tagħna lkoll li naraw li dan isir.

Il-Gvern għandu responsabilitajiet ċari u l-Oppożizzjoni għandha tara li tmexxi dejjem il quddiem fuq l-aġenda tal-pajjiż, il-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn- temm jjikteb il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Alex Perici Calascione.