“Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż meta jkollna aħbar sabiħa għalkemm ċkejkna, ikollna konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja – imbagħad meta jkun hemm aħbar li mhux daqstant sabiħa minħabba żieda fil-prezz – ħadd ma jkun jaf, għax ħadd ma ndenja ruħu jinforma lill-pubbliku. Illum li sippost qed ngħixu ‘L-Aqwa Żmien’, skont dan il-Gvern, dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex aċċettabli”.
Kliem il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Enerġija Jean Pierre Debono, wara mill-1 t’Awwissu, ċilindru tal-gass ta’ 12-il kilogramma, żdied b’ewro. Ċilindru ta’ 15-il kilogramma żdied b’€1.35ċ u ċ-ċilindru magħruf bħala tal-catering żdied b’€2.20ċ.
“Għandna sitwazzjoni fejn hemm Gvern li jippriedka fuq kif irid jinforma lin-nies, iżda xorta waħda kellna każijiet fejn marru n-nies biex jixtru ċ-ċilndru tal-gass u saru jafu li l-flus li kellhom f’idejhom mhux se jservuhom għax għola mil-lejl għan-nhar il-prezz mingħajr ebda avviż”, kompla Jean Pierre Debono, “Din m’hijiex sitwazzjoni aċċettabli fejn f’Awwissu, l-aktar żmien li l-poplu ma jkunx qed jagħti każ l-affarijiet kurrenti – il-Gvern jgħolli l-prezz u n-nies ma jiġu infurmati b’xejn”.
Jean Pierre Debono stqarr li din id-darba l-Gvern Laburista din iż-żieda fil-prezz ħbiha mill-poplu, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara meta Joseph Muscat kien raħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’żewġ ċenteżmi. “Meta kellna tnaqqis fil-prezz tal-petrol u d-diesel b’żewġ ċenteżmi kellna aspettativa kbira mill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn għamilna jumejn nistennew konferenza tal-aħbarijiet kbira – u issa meta kellna żieda ta’ aktar minn Ewro fuq il-gass il-poplu ma kien jaf b’xejn”.
Jean Pierre Debono tenna jgħid li issa l-poplu Malti qed jistenna lill-Gvern Laburista jiskuża ruħu mal-poplu Malti għal dan in-nuqqas
//= $special ?>