Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-PN għandu jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni – Adrian Delia

“Allaħares nieqfu nitkellmu kontra l-korruzzjoni quddiem dan li qed jiġri f’pajjiżna.” Dan qalu Adrian Delia, Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ltaqa’ mal-kunsilliera u attivisti tal-PN tal-ħdax id-distrett.

F’laqgħa li ġibdet għexieren ta’ attivisti fil-każin tal-PN tan-Naxxar, li bhalissa jinsab magħluq u li nfetaħ mill-ġdid għal din l-attività, Adrian Delia għamilha ċara li jekk jingħata l-privileġġ li jmexxi l-Partit Nazzjonalista se jkompli jmexxi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

“Ikun żball li l-partit li dejjem kien fuq quddiem għax-xogħol, għall-ġustizzja u għall-libertà, jekk jitlaq din il-missjoni,” qal Delia. “Imma hemm mod ġdid kif nistgħu nagħmlu din il-ġlieda wara l-esperjenza li għaddejna minnha.”

Adrian Delia spjega li waqt li l-PN irid ikompli jiġġieled it-traġedja tal-Panama Papers li tebbgħat ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mad-dinja kollha, irid ukoll iwassal il-messaġġ tiegħu man-nies kollha u mhux jagħlaq ħalqu għax Joseph Muscat tagħna t-timbru ta’ negattivi.  “Li titlob li Ministru tal-Gvern ma jkollux kontijiet sigrieti hu negattiv?” staqsa Adrian Delia. “Li tistenna li l-Prim Ministru ma jappuntax Chief of Staff b’dell ta’ korruzzjoni hu negattiv?” insista Adrian Delia waqt li saħaq li l-Mod Ġdid li jemmen li għandu jaħdem bih il-PN hu li jħalli f’idejn il-qrati biex jistabilixxu permezz tal-inkjesti iżda fl-istess waqt jeżiġi li tintrefa r-responsabbiltà politika mill-politiċi.

“Waqt li nagħmlu din il-ġlieda ma rridux ninsew il-problemi tal-ħajja ta’ kuljum,” qal Adrian Delia. “In-nies m’għandiex taħseb li aħna ma jimpurtaniex mill-ħajja ta’ kuljum u l-PN għandu jimbotta l-proposti għal għixien aħjar bl-istess qawwa li jiġġieled il-korruzzjoni, anke għaliex il-korruzzjoni tgħerri l-għixien tan-nies, speċjalment dawk vulnerabbli li m’humiex ilħaqu mal-ispejjeż tal-ħajja,” temm jgħid Adrian Delia.

Waqt il-laqgħa fil-każin tan-Naxxar Adrian Delia wieġeb għall-mistoqsijiet kollha li sarulu mill-kunsilliera fejn fost l-oħrajn sostna li l-pożizzjoni tiegħu hi ċara kontra l-abort u favur il-ħajja. Spjega wkoll il-viżjoni tiegħu biex is-self employed jerġgħu lura fil-Partit Nazzjonalista permezz ta’ proposti konkreti kif mill-Oppożizzjoni l-PN jibda jgħin lil dan is-settur.

Hu tkellem ukoll dwar it-tibdil li jrid jara fl-istrutturi tal-partit biex jissaħħaħ u jaħdem b’Mod Ġdid.