Lokali

Ingliż arrestat b’rabta ma’ abbużi sesswali fuq tfal

Ritratt: Mill-arkivji

Il-Pulizija Maltija arrestat Ingliż ta’ 70 sena li dwaru kien hemm mandat t’Arrest Ewropew, b’rabta ma’ każijiet ta’ abbuż fuq tfal, mifruxa fuq mhedda ta’ kważi 40 sena.

Il-Pulizija Maltija kienu qed jaġixxu f’isem l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalita’ meta arrestaw lir-raġel f’Għawdex.

Uffiċjali li jagħmlu parti mill-operazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalita’ msemmija PALLIAL u li tinvestiga każijiet ta’ abbużi fuq tfal, li ġraw f’residenzi tat-tfal f’North Wales bejn is-snin sebgħin u tmenin, talbu għall-arrest ta’ dan ir-raġel, bħala parti minn investigazzjoni li għaddejja.

Il-mandat jinkludi 38 reat, b’29 reat minnhom fejn kien hemm kuntatt mal-vittmi u li dawn allegatament seħħew bejn l-1976 u l-1978. Il-bqija tar-reati huma relatati ma’ ritratti indiċenti tat-tfal u li għamel jew inċita’ attivita’ sesswali ma’ minuri bejn l-2007 u l-2013.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest fis-siegħat li ġejjin, quddiem il-maġistrat Donatella Frendo Dimech.