Elezzjoni Kap PN Lokali

L-analiżi tar-riżultat elettorali jsir minnkom – Chris Said

Ġimgħa wara li nsir Kap tal-PN, nibda mill-ewwel eżerċizzju ta’ smigħ f’kull belt u raħal. Se nżur kull lokalità. Jien nisma’. Inthom titkellmu. L-esperjenza għallmitni li l-aqwa analiżi tar-riżultat elettorali jagħmluha dawk li jkollhom kuntatt kontinwu man-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Il-futue infassluh flimkien. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said meta mistoqsi mill-midja jaqbilx li jsir rapport tat-telfa elettorali.

Chris Said qal li bil-kontra ta’ dak li seħħ sa issa, hu jrid li din id-darba l-analiżi tar-riżultat elettorali jsir bl-aktar mod wiesa’ kemm jista’ jkun, u l-ahjar mod ikun li jsir minn nies. Għalhekk li fl-ewwel tlett xhur tiegħi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se nżur il-lokalitajiet kollha fejn jiġu organizzati laqgħat li matulhom in-nies jitkellmu u jien nisma’, qal il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Chris Said spjega kif il-Partit Nazzjonalista jeħtieġlu jisma’ aktar milli jitkellem. Jisma’ lin-nies, jara x’mar ħażin, iħoss il-polz tan-nies imbagħad flimkien infasslu l-futur li, jekk inkunu magħqudin għandu jkun futur sabiħ għall-Partit Nazzjonalista, qal il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Chris Said qal illi dan l-eżerċizzju ta’ smigħ se jsir fl-istess waqt li jitniedna studju dettaljat tal-bidliet li seħħew u qed iseħħu fis-soċjetà u fl-istess waqt li hu, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun, darba f’ġimgħa, kull ġimgħa, jkun qed jaħdem minn lokalità differenti.

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-esperjenza fil-politika għallmitu li biex il-partit jimxi ‘l quddiem irid ikun man-nies dejjem. Għalhekk li bħala Kap tal-PN se jara li terġa’ tiġi introdotta s-sistema tal-istreet leaders f’kull belt u raħal, f’Malta u f’Għawdex, qal Chris Said.