Mara ta’ 80 sena tilfet ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku.
Għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart, il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat marru minnufih fil-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li mara ta’ 80 sena, residenti l-Għasri, għal xi raġuni sfat milquta minn vettura tat-tip Toyota misjuqa minn raġel ta’ 68 sena residenti Għajnsielem.
Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Għall-ewwel hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi imma aktar tard il-mara tilfet ħajjitha.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>