Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, qal lill-Korea ta’ Fuq li la huma l-għedewwa tagħhom, lanqas huwa l-għan tagħhom li jaqa’ r-reġim u lanqas li jingħaqdu ż-żewġ Korei. Hu qal iżda li l-Korea ta’ Fuq hija ta’ theddida inaċċettabbli lejhom bil-programm missilistiku li għandha.
Dan hekk kif il-Korea ta’ Fuq stqarret li l-missili riċenti tagħhom kapaċi jolqtu l-kosta tal-punent tal-Istati Uniti wara li ppruvaw b’suċċess it-tieni missila ballistika interkontinentali bi sfida lejn il-projbizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-President Trump ripetutament lmenta li ċ-Ċina, li mhux biss hija ġara tal-Korea ta’ Fuq iżda għandha attività ekonomika konsiderevoli, mhix tagħmel biżżejjed biex twaqqaf il-programm ta’ armamenti f’Pyongyang.
Fi żvilupp separat, is-Senatur Repubblikan, Lindsey Graham qal li Trump qallu li jista’ jiddikjara gwerra mal-Korea ta’ Fuq jekk Pyongyang jissokta bil-pjanijiet tal-programm ta’ missili li huma ta’ theddida fosthom l-Istati Uniti.
//= $special ?>