Lokali

3 ifkieren lura fil-baħar wara xhur ta’ kura minn Nature Trust Malta

Tlett ifkieren intefgħu lura fil-baħar dalgħodu minn Nature Trust Malta. Dawn il-fkieren kienu ilhom xhur jingħataw kura minn Nature Trust Malta biex inħelsu l-Ħamis filgħodu f’Golden Bay.

Il-fkieren ingħataw l-isem ta’ Europa li għandha 3 snin, Myrtle li ghandha 8 snin u Moana li għandha 12-il sena.

Europa kienet instabet f’Mejju viċin il-bajja tat-Torri l-Abjad maqbuda f’xibka u b’sunnara li kienet belgħet. Biex tkun salvata saret operazzjoni b’apparat ġdid li jiswa’ madwar €15,000. Dan l-apparat se jkun qed jagħmilha possibbli għall-fkieren feruti li jirkupraw aktar malajr meta jiġu operati biec titneħħielhom snanar li jkunu belgħu.

Myrtle kienet intsabet f’Jannar fix-Xlendi Għawdex. Hi wkoll instabet b’sunnara fl-istonku u b’ferita f’waħda mill-pinnen ta’ quddiem.

U l-Fekruna Moana kienet l-aħħar waħda li nstabet. Kienu persuni fuq dgħajsa li kienu fi triqthom minn Sqallija għal Malta li nnutaw il-fekruna li kienet f’wiċċ l-ilma ma tiċċaqlaqx. Huma ġabruha mill-baħar u ħaduha għand Nature Trust Malta.

Nature Trust Malta qed tappella lill-pubbliku nġenerali biex jikkuntatjawhom jekk jaraw xi fekruna f’diffikulta’. L-organizazzjoni qed tappella wkoll lis-sajjieda ta’ rieda tajba biex meta jaqtaw ix-xlief minn mal-fkieren jaqtawhom mal-15cm il bogħod minn ħalqhom u mhux aktar. B’hekk il-veterinarji jkun aktar faċli għalihom biex isibu s-sunnara f’ħalq jew fl-istonku tal-fekruna.