Lokali

Bejn April u Ġunju 2017 : 4,080 inċident tat-traffiku , 3 kienu fatalitajiet

4,080 hu l-ammont ta’ inċidenti li kienu reġistrati fit-tieni kwart ta’ dan is-sena. Minnhom 3 inċidenti wassalu għal mewt ta’ persuna.

Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

L-aktar li ġew reġistrati inċidenti kienu f’Birkirkara b’total ta’ 306. Wara Ħal Qormi b’222 inċident u wara San Pawl il-Baħar b’163 inċident.

Mill-4,080 inċident kien 10.8% li fihom weġġgħu s-sewwieqa. Li jfisser 552 persuna: 275 persuna weġġgħu minn ġrieħi ħfief u 55 weġġgħu gravi.

Kien hemm imbgħad 39 persuna li weġġgħu gravi u li kienu jew passiġġiera, jew kienu mexjin fit-triq, ċiklisti u oħrajn.

L-akbar ammont ta’ inċidenti ġraw fiċ-ċentru tal-pajjiż- 1,543 inċident jew 37.8% tal-inċidenti.

Skont l-istatistika fit-tieni kwart tas-sena 455 weġġgħu ħafif f’inċident tat-traffiku u 211 kienu nisa u 244 kienu rġiel.

L-aktar li weġġgħu gravi kienu l-irġiel b’madwar 94 persuna.

L-agħar ġurnata għall-inċidenti li fihom weġġgħu n-nies kien it-Tlieta bi 18.5%. Il-ġurnata tal-ġimgħa mbgħad kienet l-agħar ġurnata għall-inċidenti li fihom pero ma jkunux wegggħu nies.

67.2% kienu inċidenti kkawżati b’karozzi privati. 23% b’muturi u 3.1% kienu vetturi kummerċjali li kkawżaw l-inċident.

Skont l-istatistika tal-NSO, fit-tieni kwar tas-sena l-aghar hinijiet għall-inċidenti kienu bejn id-9am u nofsinhar u bejn nofsinhar u t-3pm.

Intant rapport maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera wkoll li bejn April u Ġunju vetturi rreġistrati żdiedu b’medja ta’ 43 waħda kuljum. Ir-rapport juri wkoll li f’sena l-vetturi l-ġodda żdiedu bi ftit anqas minn 13,000.