#muscatgate Lokali

FILMAT: Muscat jgħid li “ħass” li kellu jappella mid-deċiżjoni li ssir investigazzjoni kriminali

Jiddejjaq jgħid li se ssir investigazzjoni kriminali dwar il-Panama Papers

Il-Prim Ministru Joseph Muscat “ħass” li kellu jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li ssir investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama minkejja li l-Gvern stess qed jinsisti li din mhux se tkun investigazzjoni kriminali.

Muscat kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet ta’ NET News fi tmiem laqgħa u riċeviment li kellu fl-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika fil-Furjana.

Il-mistoqsijiet saru dwar id-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia li tibda investigazzjoni kriminali bl-iskop li jiġi determinat jekk il-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitpoġġew miljun fis-sena mill-commissions jammontax għal ħasil ta’ flus.

Wara dik id-deċiżjoni, il-Gvern immedjatament kien qal li din mhijiex investigazzjoni kriminali, iżda l-anqas kienu laħqu għaddew 48 siegħa li ma sarx appell minn dawk imħarrka… fosthom Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

“Appellajt għas-sempliċi raġuni li l-anqas il-Kap tal-Oppożizzjoni stess ma talab bl-ebda mod li ssir xi investigazzjoni fejn nissemma’ jien. Imbagħad irċevejt dik it-taħrika li jien ħassejt li għandi nappella” qal Muscat. “Xorta, jekk kemm-il darba wieħed jinterpretaha kif jinterpretaha, din hija investigazzjoni ‘in genere’, jiġifieri biex tiġbor il-fatti u l-evidenza,” żied jgħid.

Kif joħroġ ċar mir-risposta tal-Prim Ministru, Muscat ma tax raġuni konkreta għalfejn appella mid-deċiżjoni tal-Qorti. Appell li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil spjega li juri li hemm il-faħam miblul.

Evidentament, Muscat beda jiddejjaq jgħid li se ssir investigazzjoni kriminali. Minflok, beda jdur mal-kelma “in genere” – li fi ftit kliem tfisser investigazzjoni Maġisterjali, li f’dan il-każ se tinvestiga reati ta’ natura kriminali, u għaldaqstant, investigazzjoni kriminali.

L-investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama intalbet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Awditur Ġenerali u mill-Kummissarju tal-Pulizija.