Futbol Sport

Futbol – Lucescu maħtur kowċ tat-Turkija

Mircea Lucescu

L-ekskowċ ta’ Zenit Mircea Lucescu nħatar bħala kowċ nazzjonali tat-Turkija. Hu se jkun qed jieħu post Fatih Terim li ħalla l-kariga ġimgħa ilu.

Dan tal-aħħar, għat-tielet darba fil-karriera tiegħu, Terim ħalla l-kariga, din id-darba minħabba raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ futbol. Aktar kmieni dan ix-xahar, Terim kien involut fi ġlieda ma’ sid ta’ restaurant li jinsab fil-belt ta’ Alacati.

Minn dakinhar ‘ l hawn Terim issemma ħafna drabi fil-midja u jidher li hu kien qed iħossu taħt pressjoni kbira tant li wasal biex jinforma lill-Federazzjoni tal-Futbol fit-Turkija li mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim nazzjonali.

Fil-passat Terim kien mexxa lit-tim nazzjonali Tork bejn l-1993 u l-1996, l-2005 u l-2009 u l-aħħar darba li mexxa lil dan it-tim kien lura fl-2013.

Lucescu kien ilu bla xogħol sa minn Mejju li għadda meta dakinhar Zenit kienu keċċewh. Lucescu issa se jkollu biċċa xogħol biex jgħin lit-tim Tork jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja.

Bħalissa t-Turkija qegħdin fit-tielet post fil-grupp rispettiv tagħhom fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018. It-tim rebaħ biss tliet partiti u ddiżappunta fil-wirjiet tiegħu.
Hu se jibda bil-logħba kontra l-Ukrajna fit-2 ta’ Settembru.

Matul il-karriera tiegħu Lucescu għamel żmien twil imexxi lil Shakhtar Donetsk bejn l-2004 u l-2016 u matul dawk is-snin it-tim rebaħ tmien darbiet il-kampjonat domestiku.