Membru Parlamentari Polakk qal li l-Polonja qed tikkunsidra li titlob għal kumpens mill-Ġermanja għall-ħsara li saret fil-pajjiż matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Arakadiusz Mularczyk, membru Parlamentari għall-partit fil-Gvern, il-Partit tal-Liġi u Ġustizzja, qal li l-uffiċju ta’ riċerka tal-Parlament f’Varsavja, qed jipprepara analiżi dwar jekk hemmx lok ta’ talba simili. Intqal li dan ir-rapport għandu jkun lest sal-11 ta’ Awwissu.
F’dawn l-aħħar ġranet kien hemm diversi indikazzjonijiet ta’ pass simili. Antoni Macierewicz, il-Ministru tad-Difiża, qal ftit qabel li issa wasal iż-żmien li l-Ġermanja tipprova tifdi d-dejn kbir li għandha mal-poplu Pollakk.
It-Tieni Gwerra Dinjija kienet bdiet bl-invażjoni Ġermaniża tal-Polonja fl-1939 u matul din il-gwerra tilfu ħajjithom kważi sitt miljun Polakk apparti li saret ħsara kbira lill-pajjiż bil-kapitali Varsavja kważi tinqered għal kollox.
Apparti minhekk, Jaroslaw Kaczynski, il-kap tal-Partit tal-Liġi u Ġustizzja, f’intervista reċenti qal li l-Gvern Polakk qed jipprepara ruħu għal “kontro-offensiva storika”.
Hu żied li wieħed qed jitkellem dwar sommom kbar ta’ flus u anki dwar il-fatt li l-Ġermanja, għal snin twal irrifjutat li tieħu responsabbilta għat-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>