Internazzjonali

Il-Veneżwela: Prosekutur se tinvestiga allegazzjonijiet dwar frodi elettorali

Il-Prosekutur ewlieni tal-Veneżwela, Luisa Ortega, fetħet investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ frodi li qed jingħad li saru waqt l-elezzjoni kontroversjali tal-Ħadd għal assemblea ġdida li għandha tfassal mill-ġdid il-Kostituzzjoni.

Ortega, li hi fost l-akbar kritiċi tal-President Veneżolan, Nicolas Maduro, sejħet għal evalwazzjoni ġdida tal-vot minn sorsi indipendenti.

Is-sejħa ħarġet sigħat biss wara li l-kumpannija Smartmatic ( ibbażata fir-Renju Unit u li kienet ipprovdiet is-sistema għall-votazzjoni) sostniet li l-istatistika tal-votazzjoni fil-Veneżwela kienet ‘eżaġerata’ mill-imkejjen uffiċjali.

Il-kumpannija Smartmatic, li tipprovdi t-teknoloġija għal waqt elezzjoni, sostniet li l-konkorrenza tal-votanti fl-elezzjoni għall-assemblea tal-Veneżwela kienet immanipulata.

Fl-istess ħin, hi indikat li d-differenza bejn il-parteċipazzjoni attwali u l-parteċipazzjoni ( mill-elettorat) mħabbra hi stmata ‘madwar talanqas miljun’. Dan meta kelliema għal Smartmatic qalu li ma jistgħux jappoġġjaw jew jissostanzjaw ir-riżultat tal-vot fil-Veneżwela.

Sadanittant, il-President Maduro qed jiċħad li l-allegazzjonijiet huma minnhom.

Madankollu, Luisa Ortega qalet li hi ħatret żewġ prosekuturi biex jinvestigaw lil erba’ fost il-ħames diretturi tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali tal-Veneżwela. Hi qalet li l-investigazzjoni qed issir wara ‘azzjoni skandaluża li kapaċi tiġġenera aktar vjolenza ( fil-Veneżwela) minn dik li diġà bata minnha l-poplu’.

Il-kritiċi jgħidu wkoll li l-Kunsill Elettorali Nazzjonali tal-Veneżwela hu mimli bin-nies leali għall-Gvern li qed jagħmlu ‘kulma jgħidilhom Maduro’.