#muscatgate Lokali

Il-whistleblower ta’ Egrant tgħid li telqet minn Malta “b’urġenza minħabba intimidazzjoni”

Il-whisteblower li għaddiet dokumenti li allegatament jikkonfermaw li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, qalet lil sid il-kera li kellha titlaq minn Malta b’mod urġenti minħabba li kienet qed tiġi intimidata.

Dan ħareġ mill-Qorti fejn qed jinstemgħu każijiet kontra l-whistleblower, wieħed minnhom miftuħ mill-eks-impjegat tagħha Pilatus Bank, wara li l-mara ta’ nazzjonalità Russa naqset milli tidher il-Qorti.

Jirriżulta, minn dak li ħareġ fil-Qorti, li l-whistleblower telqet minn Malta flimkien maż-żewġt itfal tagħha filwaqt li r-raġel tagħha telaq minn Malta ftit wara.

Fil-Qorti, sid il-kera qal li l-aħħar darba li tkellem mar-raġel tal-whistleblower kien fil-21 ta’ Lulju meta dan qallu li ma kienx se jibqa’ jgħix fil-post mikri.
Imbagħad, fil-31 ta’ Lulju, il-whistelblower bagħtet e-mail lil sid il-kera fejn qaltlu li kellha titlaq minn Malta b’mod urġenti minħabba li kienet sabet ruħha f’pożizzjoni ta’ intimidazzjoni. Fl-e-mail, il-mara ma speċifikatx min kien qed jintimidha.

Peress li l-whistleblower kienet tressqet il-Qorti b’akkużi ta’ frodi wara rapport minn Pilatus Bank fuqha, il-mara kienet ġiet ordnata tiffirma fl-għassa bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Jirriżulta li l-aħħar darba li ffirmat kien fis-26 ta’ Ġunju… jiġifieri aktar minn xahar ilu.

Waqt il-kampanja elettorali, u fil-jiem ta’ qabel, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien infexx f’attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-whistleblower. Attakki li ġew ripetuti mhux biss mid-Deputati tal-Gvern iżda anke minn partitarji Laburisti f’tentattiv biex ikissru l-kredibbiltà tagħha.

Il-whistelblower kienet taħdem ma’ Pilatus Bank, l-istess bank li minnu kienu nħarġu żewġ bagalji bid-dokumenti fis-satra tal-lejl fl-eqqel tal-iżviluppi dwar l-iskandlu tal-Panama. Il-bagalji kienu nħarġu fl-istess żmien li l-media żvelat il-kontenut ta’ żewġ ‘declarations of trust’ li allegatament jikkonfermaw li sid il-kumpanija ‘Egrant’ hija mart il-Prim Ministru.