Internazzjonali

Ir-Russja tfisser is-sanzjonijiet mill-Istati Uniti bħala ‘gwerra kummerċjali’

Il-Prim Ministru tar-Russja, Dmitry Medvedev, qal li sanzjonijiet ġodda li kienu imposti fuq pajjiżu mill-Istati Uniti huma simili għal dikjrazzjoni ta’ ‘gwerra kummerċjali totali’ kontra Moska.

Medvedev sostna li l-miżuri, iffirmati mill-President Amerikan, Donald Trump, qegħdin juru l-inkompetenza totali tal-istess Trump li, skont ir-Russja, ‘għadu kemm spiċċa umiljat mill-Kungress ta’ Washington’.

Il-liġi għas-sanzjonijiet qed taħseb biex twaħħal il-pieni lir-Russja għall-allegat indħil ta’ Moska fl-elezzjonijiet tas-sena l-oħra għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Sadanittant, l-azzjonijiet tar-Russja fl-artijiet tal-Ukrajna ssemmew bħala raġuni oħra għas-sanzjonijiet.

Il-President Trump, min-naħa tiegħu, qal li l-Kungress Amerikan ‘eżaġera’ b’din il-leġislazzjoni għas-sanzjonijiet. Fil-fatt, Trump, wara li ffirma l-Att bl-isem ‘Countering America’s Adversaries Through Sanctions’ , ippersista bi stqarrija li fissret il-miżura partikulari bħala ‘ferm żbaljata’.

Il-leġislazzjoni tillimita l-ammont ta’ flus li l-Amerikani jistgħu jinvestu fi proġetti tal-enerġija tar-Russja. Fl-istess ħin, din il-leġislazzjoni tagħmilha aktar diffiċli għall-kumpanniji Amerikani biex jagħmlu l-kummerċ mar-Russja, minbarra li ( anki) timponi s-sanzjonijiet fuq l-Iran u l-Korea ta’ Fuq.

L-Iran qal li s-sanzjonijiet ġodda jabbużaw il-ftehim nukleari, bil-kelliema f’Tehran jgħidu li pajjiżhom għandu jwieġeb ‘b’mod xieraq u proporzjonali’ għal dan.

Il-Korea ta’ Fuq, s’issa, ma għamlet l-ebda kumment pubbliku dwar il-pass mill-Istati Uniti.