Lokali

Jinqabdu b’iktar minn €25,000 flus kontanti mhux dikjarati

Żewġ ċittadini Rumeni, raġel u mara, inqabdu jippruvaw jidħlu Malta b’iktar minn €25,000 fi flus kontanti li ma kienux dikjarati.

Is-sejba saret minn uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilbieraħ. Iż-żewġ Rumeni waslu Malta abbord titjira minn Istanbul.

Ir-raġel kellu fuqu €15,850, $193 u 426Lei (il-munita Rumena). Il-mara kellha €10,000 fuq il-persuna tagħha. Il-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi kienu infurmati u qed jinvestigaw il-każ.

Skont Regolamenti taħt il-Liġi dwar it-Tranżazzjonijiet Esterni, kulmin jivvjaġġa minn jew lejn Malta għandu jagħmel dikjarazzjoni jekk se jkun qed iġorr €10,000 jew iktar.