Internazzjonali

Is-Sirja: Waqfien mill-ġlied f’zona tas-sigurtà oħra

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li sar ftehim dwar waqfien mill-ġlied f’zona oħra tas-Sirja. Din iz-zona tinkwadra fost l-erba’ hekk-imsejħa safe zones ippjanati fil-pajjiż Għarbi mifni bil-konflitt.

Kelliem għall-Ministeru, il-Ġeneral Igor Konashenkov, qal li l-ftehim qed jidħol fis-seħħ fl-inħawi lejn il-belt ta’ Homs, li huma kontrollati mir-ribelli.

Aktar qabel kienu daħlu fis-seħħ ftehim f’inħawi oħrajn tal-erba’ zoni.

Il-ftehim għal waqfien mill-ġlied qed iżommu anki waqt li l-qawwiet tal-Oppożizzjoni Sirjana, li huma appoġġjati mill-Istati Uniti, qegħdin jiġġieldu biex jaqilgħu t-terroristi tal-ISIS mill-belt ta’ Raqqa, li sservi bħala l-kapitali tal-istess grupp tal-ISIS fis-Sirja.

Ir-Russja u l-Iran, it-tnejn sostenituri tal-President Sirjan, Bashar Assad, u t-Turkija, li qed tappoġġja lir-ribelli li qegħdin jiġġieldu lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan, f’Mejju li għadda, kienu qablu dwar pjan għat-twaqqif ta’ erba’ zoni ‘għat-tnaqqis tal-konflitt’ fis-Sirja.

Dan fost il-pressjoni fuq il-qawwiet tal-ajru tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, biex ma jkomplux it-titjiriet minn fuq iz-zoni speċifiċi indikati.