Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella għad-donazzjonijiet tad-demm hekk kif id-domanda baqgħet waħda qawwija iżda l-attendenza tad-donaturi naqset sew, l-iktar minħabba s-sħana.
Fi stqarrija, is-Servizz appella sabiex id-donazzjonijiet ma jbattux għaliex jekk dan it-tnaqqis jippersisti, fil-jiem li ġejjin ikunu affetwati pazjenti li jkollhom bżonn trasfużjoni tad-demm.
Fl-istess, waqt, is-Servizz jappella wkoll għal iktar prudenza: fis-sewqan, fuq il-lant tax-xogħol, fil-baħar, kif ukoll fil-postijiet tad-divertiment, partikolarment fejn jiġi ikkonsmat l-alkoħol. B’hekk jonqsu l-inċidenti, kif ukoll tonqos il-pressjoni għad-domanda għad-demm.
L-għoti tad-demm għandu jsir minnfih fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm.
Importanti
Wieħed għandu dejjem iġib miegħu il-Karta tal-Identita’ jew passaport jew liċenzja tas-sewqan.
Dawk li jixtiequ jagħtu d-demm u ġew lura mis-safar f’dawn l-aħħar 4 ġimgħat għandhom iċemplu fuq in-numru 8007 4313 biex jaraw jekk humiex eliġibbli biex jagħtu d-demm.
//= $special ?>