L-ekschampion tad-dinja tal-heavyweight Wladimir Klitschko ssorprenda lil kulħadd u żvela li rtira mill-boxing. Il-boxer mill-Ukrajna, li għandu 41 sena tilef iċ-ċinturin meta f’April li għadda tilef il-ġlieda kontra l-Ingliż Anthony Joshua.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm spekulazzjonijiet li dawn it-tnejn kienu se jerġgħu jiġġieldu fil-belt ta’ Las Vegas fil-11 ta’ Novembru imma issa la darba Klitschko rtira dan mhux se jseħħ.
“Grazzi għal dan l-isport ksibt dak kollu li xtaqt u issa rrid nibda paġna ġdida f’ħajti,” qal Klitschko f’filmat li ppubblika fuq il-profil elettroniku tiegħu.
Klitschko żamm it-titlu mondjali bejn l-2006 u l-2015 filwaqt li rebaħ il-midalja tad-deheb waqt l-Olimpjadi tal-1996 fil-belt ta’ Atlanta. Ftit xhur wara li rebaħ din il-midalja beda jipprattika l-boxing fuq bażi professjonali.
Klitschko dam 11-il sena bla telfa u kien biss f’Novembru tal-2015 meta tilef kontra l-Ingliż Tyson Fury li minn naħa tiegħu wkoll rtira mill-boxing ftit tal-ġimgħat ilu.
//= $special ?>