Elezzjoni Kap PN Lokali

“Aħfrulna meta m’apprezzajniex xogħlkom biżżejjed” – Adrian Delia lil ħaddiema tad-Dar Ċentrali PN

“Il-ħaddiema tal-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista jistħoqqilhom l-għola rispett u grattitudini għax-xogħol kbir li jgħamlu s-sena kollha, u nitlobhom skuża f’isem min ma jafx bis-sagrifiċji li jagħmlu u ma japprezzhomx biż-żejjed.”

Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ kap tal-PN, wara żjara li għamel fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u ltaqa ma numru kbir ta’ ħaddiema kemm ta’ Media.Link kif ukoll tal-partit.

Fil-laqgħa mal-ħaddiema tad-Dar Ċentrali Adrian Delia sema l-problemi li jħabtu wiċċhom magħhom l-impjegati l-iżjed minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u l-bżonn ta’ iżjed investiment.

“Dawn il-ħaddiema li l-għixien tagħhom jiddependi mill-attivitajiet tal-partit, jagħtu ħafna iżjed minn dak li jitħaslu għalieh għaliex jaħdmu wkoll bil-passjoni u t-twemmin politiku tagħhom,” qal Adrian Delia.

“Ma jippretendu xejn speċjali mill-partit għajr li jsibu rikonoximent mill-Kap u l-għola uffiċjali għas-sagrifiċji li jagħmlu,” sostna Adrian Delia li stqarr li l-impressjoni li wieħed jieħu hu li minkejja li qedin fuq ġewwa, ħafna drabi dawn in-nies huma fost ta’ l-aħħar li jsiru jafu x’qed jiġri.

“Il-Mod Ġdid li rridu mmexxu bih u li nibnu struttura b’saħħita fuq il-ħidma kbira ta’ dawn in-nies flimkien mal-kumitati u fergħat tagħna. Ma nistawx nappellaw għan-nies minn barra jekk dawk ta’ ġewwa m’humiex kuntenti, qal Adrian Delia.

Hu fakkar li l-ewwel set ta’ proposti li ħabbar kemm ilu li teda n-nomina tiegħu għal Kap tal-PN kienu propju biex tissaħħaħ il-media tal-partit u ssir vijabli fi tlett snin. “Ma rridx li l-ħaddiema fid-Dar Ċentrali jħossu li huma xi piż fuq il-partit. Bil-maqlub, irridhom kburin li grazzi għax-xogħol tagħhom il-partit qed jikber, jissaħħaħ u jirbaħ,” qal Delia.

Tkellem ukoll dwar il-ħolqien ta’ Think Tank biex fl-AZAD ikun verament Ċentru ta’ Ħsieb Politiku minn fejn jibdew l-ideat li jaslu fuq il-mejda tal-PN biex idawwarhom f’politika għan-nies. “Dan se jirrikjedi iżjed sinerġija bejn l-AZAD u d-Dar Ċentrali,” qal Adrian Delia.

Fit-tour li kellu madward id-Dar Ċentrali, Adrian Delia kellu wkoll l-opportunita iġedded il-memorji meta hu kien wieħed mill-ġurnalisti u xandara ta’ Radio 101 malli fetaħ l-istazzjon.