Sport Sport Ieħor

Anthony Joshua ordnat li jiġġieled kontra Luis Ortiz

Anthony Joshua kien mistenni li jiġġieled kontra Wladimir Klitschko

Il-Boxer Britanniku Anthony Joshua kien ordnat mill-WBA biex jiddefendi t-titlu heavyweight kontra l-Kuban Luis Ortiz. Joshua li għandu 27 sena kien mistenni li jiġġieled għat-tieni darba kontra Wladimir Klitschko, iżda l-Ukren ħabbar li rtira mill-isport il-Ħamis li għadda.

Il-World Boxing Association qal li Joshua u Ortiz għandhom 30 ġurnata mill-bieraħ biex jaqblu fuq ġlieda. Joshua li għeleb lil Klitschko f’Wembley f’April li għadda, ġie ordnat ukoll li jrid jiġġieled kontra l-isfidant tat-titlu IBF Kubrat Pulev qabel it-2 ta’ Diċembru, inkella jkun f’riskju li jitlef iċ-ċinturin.

Kien hemm pjanijiet biex Joshua jiġġieled kontra Klitschko f’Las Vegas fil-11 ta’ Novembru, u l-manager ta’ Ortiz Jay Jimenez, qal li l-Ortiz jista’ jimla l-vojt. “Aħna jmissna. Ma għandniex problema niġġieldu fil-11 ta’ Novembru f’Las Vegas. Il-ġlieda tagħna tieħu preċedenza fuq ta’ Pulev u huma jafu.”

Ortiz li għandu 38 sena, għandu 23 knock-out minn 27 rebaħ filwaqt li Pulev li għandu 36 sena, għandu telfa fis-26 ġlieda tiegħu. Joshua għandu żewġ ċinturini mill-erbgħa l-kbar, b’Joseph Parker għandu t-titlu WBO filwaqt li l-Amerikan Deontay Wilder għandu t-titlu WBC.

Tags