Internazzjonali

Dubji dwar il-futur tal-Polonja bħala Stat membru tal-UE

Il-President tal-Kunsill Ewropew u l-eks-Mexxej tal-Polonja, Donald Tusk, qal li l-Gvern Pollakk qed iħejji biex ‘iressaq fin-nofs’ il-futur tal-isħubija ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea.

Tusk qal dan waqt li kien qed jitkellem barra l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-belt ta’ Varsavja, fejn dam is-sigħat iwieġeb domandi dwar ir-rwol tiegħu fid-diżastru tal-ajru ta’ Smolensk li jmur lura għall-2010.

L-investigazzjoni ta’ Smolensk qed issir fost allegazzjonijiet ta’ Jaroslaw Kaczynski, il-kap tal-Partit tal-Liġi u Ġustizzja li jmexxi lill-Gvern tal-Polonja, li Donald Tusk ‘ikkoopera mar-Russja’ fid-diżastru tal-ajru li kien sewa l-ħajja ta’ Lech Kaczynski, it-tewmi ta’ Jaroslaw li, dak iż-żmien, kien il-President Pollakk.

Jaroslaw Kaczynski, ftit tal-jiem ilu, kellem lill-istampa Pollakka fejn qal li hu kien informa lill-Kanċellier tal-Ġermanja, Angela Merkel, li ‘Tusk għandu ħafna għalxiex jibża’ mill-investigazzjoni’.

Din l-investigazzjoni qed titqies bħala attentat tal-Partit tal-Liġi u Ġustizzja Pollakk biex itebba’ r-reputazzjoni ta’ Donald Tusk.

‘Illum hemm id-domandi dwar il-futur tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea,’ qal Tusk, li spjega li ‘il-fatt li deċiżjoni mit-tribunal Ewropew setgħet tkun miċħuda b’mod daqstant arroganti (mill-Polonja) għandha titqies bħala provi ta’ xi ħaġa ferm perikoluża’.

Tusk tenna li dan, fih innifsu, jitqies bħala ‘attentat ovvju biex il-Polonja tispiċċa f’kunflitt mal-Unjoni Ewropea’. Hu jemmen li s-sitwazzjoni tidher bħala preludju għall-aħbar ‘li l-Polonja m’għandhiex bżonn l-Unjoni Ewropea u li l-Polonja mhix meħtieġa għall-UE’.

Donald Tusk kompla li l-Partit għal-Liġi u Ġustizzja tant kabbar il-kunflitt mal-istituzzjonijiet tal-UE li anki l-Ungerija – l-alleata reġjonali tal-Polonja – bdiet tiddistakka ruħha minn Varsavja fil-Kunsill tal-Unjoni.

Hu fakkar li kien hemm diversi kwistjonijiet fejn l-atteġġjament tal-Gvern Pollakk deher li kien kontroversjali għall-aħħar u li ‘dan qed jidher ċar għall-UE kollha u, kultant, anki l-Ungerija’.

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet theddida biex tinsisti għal sanzjonijiet kontra l-Polonja minħabba, fost oħrajn, kif il-Partit għal-Liġi u Ġustizzja indaħal fil-ġudikatura tal-pajjiż.

Il-miżuri jistgħu jwasslu biex id-drittijiet għall-vot tal-Polonja fil-Kunsill tal-UE jispiċċaw sospiżi, u dan għandu jkun pass bla preċedent fl-istorja tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni anki bdiet it-tħejjijiet biex timmulta lill-Polonja talli rrifjutat biex tonora vot tal-Kunsill tal-UE dwar il-ħtieġa li l-pajjiż jaqsam il-piż tal-immigranti li qegħdin ifittxu kenn politiku flimkien mal-Greċja u l-Italja.