Internazzjonali

Ebda appoġġ mill-UE għall-omosesswali persegwitati fiċ-Ċeċenja

 

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kkundannaw ‘il-kaċċa għall-omosesswali’ li saret, aktar kmieni fis-sena, fir-repubblika Russja taċ-Ċeċenja. Madankollu, huma ftit il-Gvernijiet li huma lesti biex jgħinu lil dawk li qegħdin jaħarbu mill-persekuzzjoni.

Skont in-network Russu tal-LGBT – organizzazzjoni mhix govermentali li ħbiet għexieren ta’ omosesswali Ċeċeni ġo lokalitajiet sigrieti fiċ-ċentru tar-Russja – dan in-network kien aġġorna kważi 20 pajjiż tal-UE dwar is-sitwazzjoni f’April li għadda.

Iżda Franza, il-Ġermanja u l-Litwanja kienu l-uniċi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li qablu biex jaħdmu man-network dwar ir-rilokazzjoni għall-vittmi tal-persekuzzjoni tal-omosesswali.

Sors qrib il-Gvern tal-Litwanja, f’Mejju, kien qal lill-Eurobserver li l-Kanada kienet anki qed taħdem mal-Litwanja u n-network Russu tal-LGBT dwar l-evakwazzjoni.

Fl-aħħar ġimgħat, pajjiż ieħor li xtaq jibqa’ anonimu, kien qed jikkollabora mal-network Russu tal-LGBT, b’dan il-pass jintlaqa’ tajjem minn Tatiana Vinnichenko, ir-rappreżentanta tan-network.

Tatiana Vinnichenko qalet lill-Euobserver li l-organizzazzjoni tagħha ma taffordjax li tagħmel il-lobbying lill-ambaxxati tal-UE għall-għajnuna.

Hi spjegat li l-organizzazzjoni tagħha hi waħda żgħira, bir-riżorsi limitati, waqt li diffiċli ħafna għaliha biex issib iż-żmien ħalli tikkonvinċi lill-Gvernijiet barranin biex jgħinuha. Vinnichenko, fl-istess ħin, sostniet li l-Gvernijiet għandhom id-dritt biex jirrifjutaw l-għajnuna.

Hu minnu li n-network Russu tal-LGBT mgħandux daqstant għażliet għal xi jrid isir fir-rigward taċ-Ċeċeni li qiegħed jaħbi.

Aktar min-nofs ta’ dawk l-individwi li applikaw għall-għajnuna mingħand l-organizzazzjoni jidhru li ħarbu mir-Russja. Huma biss numru fost dawn li rnexxielhom jagħmlu dan bl-għajnuna ta’ Gvernijiet tal-UE, b’mod notevoli permezz tal-visas għal raġunijiet umanitarji.