Internazzjonali

Il-Libja: Vapur għall-karità ‘ikkoopera’ ma’ traffikanti tan-nies

ritratt mill-arkivji

 

Qed jiċċirkulaw allegazzjonijiet li bastiment li jintuża għal azzjonijiet ta’ karità u li jopera fil-Mediterran ‘ikkoopera’ mat-traffikanti tan-nies b’mod ‘fejn kienu aċċettati kunsinni kbar ta’ immigranti’.

Dan żvelawh l-investigaturi waqt li ritratti li spiċċaw f’idejn il-pulizija pajżana urew lill-kriminali qegħdin ‘jeskortaw’ il-vapuri pakkjati bl-immigranti li kienu qed ifittxu l-kenn politiku. L-immigranti, maż-żmien, kienu trasferiti għal fuq dgħajjes u vapuri għall-għajnuna destinati għall-Italja.

Ir-ritratti ħarġu fil-beraħ wara li l-awtoritajiet Taljani kienu ħatfu l-ewwel bastiment ‘tas-salvataġġ’ fuq suspett li dan il-bastiment kien qed jgħin lill-immigrazzjoni illegali.

L-entità karitatevoli Ġermaniża, Jugend Rettet, hi anki akkużata li ġibdet id-dgħajjes li ntużaw biex iwasslu lill-immigranti lura lejn il-Libja. Il-parti kbira tal-immigranti illegali li qed jittamaw li jaslu fl-Ewropa qegħdin jużaw il-Libja bħala l-punt għat-tluq u l-indikazzjonijiet huma li kien hemm pjan biex id-dgħajjes li nġibdu lura lejn il-Libja ‘jintużaw mill-ġdid mit-traffikanti’.

Id-dettalji tal-każ komplew joħorġu wara li l-investigaturi ħadu l-pass bla preċedent li jikkonfiskaw il-bastiment Iuventa, tal-istess ortganizzazzjoni Jugend Rettet.  Dan seħħ ftit tal-jiem ilu ġo Lampedusa, fl-Italja.

Id-dettalji dwar l-allegata kooperazzjoni mat-traffikanti dehru f’dokumenti li dettaljaw il-każ li preparaw il-prosekuturi fi Sqallija, wara xhur ta’ akkużi dwar entitajiet karitatevoli li qegħdin jikkooperaw mat-traffikanti.

Ambrogio Cartosio, il-prosekutur ewlieni mill-belt ta’ Trapani (fi Sqallija) li qed imexxi l-investigazzjoni, qal li ma saru l-ebda arresti u li l-inkjesta għandha tkompli.