Il-kumpanija li tħaddem f’pajjiżna s-servizz tat-trasport pubbliku lmentat dwar id-dewmien fil-vjaġġi fuq l-iskeda tagħha u qed isssotni li jekk il-passiġġiera fil-karozza tal-linja ma jingħatawx prijorità fit-toroq, se jmorru għall-karozzi privati tagħhom u t-traffiku jkompli jiżdied.
Dan iddikjarah Felipe Cosmen, Chairman tal-Malta Public Transport, meta tkellem ukoll dwar l-isfida tat-traffiku f’pajjiżna meta ħabbar l-introduzzjoni ta’ 28 karozza tal-linja ġdida, b’investiment ta’ €6 miljun.
Felipe Cosmen ħabbar li dawn il-karozzi tal-linja ġodda favur l-ambjent fihom USB charging points u huma ddissinjati apposta biex iġorru aktar nies. Fosthom hemm karozzi tal-linja li se jintużaw għal rotot tal-ajruport li fihom ukoll racks għall-bagalji.
Matul Lulju, Malta Public Transport ġarret aktar minn 4 miljun passiġġiera – rekord għal Malta peress li qatt ma kien hemm daqshekk nies jużaw it-trasport pubbliku. S’issa, din is-sena l-kumpanija esperjenzat żieda ta’ 12% fin-numru ta’ passiġġiera fil-kategoriji kollha: dawk li jużaw tal-linja ta’ spiss, studenti, dawk li jużaw it-tallinjacard u turisti.
Bħall-karozzi tal-linja l-ġodda l-oħra, dawn huma bl-arja kondizzjonta, baxxi tul il-passaġġ, aċċessibbli għall-passiġġiera kollha, favur l-ambjent b’magni Euro 6 – u mgħammrin bl-aħħar teknoloġija tas-sigurtà.
Cosmen tkellem ukoll dwar l-uffiċċju tal-bejgħ ġdid li jinsab fis-sala tal-Arrivals fl-ajruport, u prodotti u servizzi oħra li tniedew din is-sena.
Cosmen semma r-realtajiet li x-xufiera qed jiffaċċjaw kuljum, peress li qed isibuha aktar diffiċli biex imorru minn post għall-ieħor fil-ħin. Vetturi pparkjati ħażin u ostakli fit-toroq qed jagħmluha diffiċli ħafna li xufier jimmanuvra l-karozza tal-linja, u qed jifrustra l-passiġġiera.
“Il-passiġġiera tagħna qed jgħidulna li mhumiex kuntenti li l-vjaġġ tagħhom qed idum. Mhux sew li l-passiġġiera tagħna ma jistgħux jitilgħu fil-karozza tal-linja b’mod sikur għaliex hemm vetturi pparkjati fuq bus stops,” qal Cosmen.
“Nafu li n-nies lesti li jipprovaw it-trasport pubbliku. Rajna żieda fin-numru ta’ passiġġiera li jużaw is-servizz ta’ spiss. Iżda jekk il-passiġġiera fil-karozza tal-linja ma jingħatawx prijorità fit-toroq, se jmorru lura għall-karozzi privati tagħhom, u t-traffiku se jkompli jiżdied.”
“L-esperjenza internazzjonali tal-grupp tagħna għalmitna li l-isfidi li qed niffaċċjaw huma simili ta’ postijiet oħra. ¨Ħafna pajjiżi u bliet iffaċċjaw l-istess sfidi, addattaw għalihom u rnexxhiehom jegħlbuhom,” ikkonkluda Cosmen.
//= $special ?>