Il-Pulizija Awstraljana qed tallega li żewġ irġiel akkużati li kienu f’kumplott biex iqiegħdu bomba fuq ajruplan kienu anki qed jippruvaw jibnu tagħmir li kapaċi joħroġ il-gass tossiku.
Il-Pulizija qalet li l-irġiel, megħjuna mill-ISIS, fallew f’attentat biex itellgħu splussiv għal fuq ajruplan tal-Etihad, f’Sydney, fil-15 ta’ Lulju.
Huma allegatament ippjanaw ukoll biex jibnu tagħmir ‘biex iferrex il-gass’ iżda jidher li dan it-tagħmir kien ’il bogħod milli jkun irrealizzat.
Fl-istess ħin, l-investigaturi qalu li huma ‘ħarbtu kompletament’ l-allegati kumplotti.
L-ogħla Uffiċjali mal-Pulizija Federali Awstraljana qalu li ‘dan kien wieħed mill-aktar kumplotti sofistikati li qatt kienu ppruvati fl-art tal-Awstralja’.
Huma spjegaw li splussiv ta’ kalibru militari kien inħeba qalb il-bagalji u ttieħed lejn l-ajruport ta’ Sydney fil-15 ta’ Lulju. Jidher ukoll li l-isplussiv ma għaddiex mis-sistema taċ-check-in. Ingħad ukoll li l-isplussiv ma għaddiex mill-proċess ta’ screening għal raġunijiet ta’sigurtà.
Il-pulizija qed tallega li wieħed mis-suspettati, f’April li għadda, kien tqiegħed f’kuntatt ma’ personalità għolja tal-ISIS.
Kien irrappurtat li l-personalità tal-ISIS kien irranġa għall-komponenti tat-tagħmir biex jintbagħtu mit-Turkija lejn l-Awstralja, permezz tal-air cargo. Il-Pulizija allegat li l-irġiel akkużati ffurmaw il-komponenti fi speċi ta’ tagħmir splussiv improvizzat ‘iżda li kien jaħdem perfettament’.
Il-pulizija kompliet li t-tieni kumplott kien jinvolvi l-produzzjoni ta’ tagħmir kimiku li kien iddisinjat biex jitlaq gass tat-tip hydrogen sulphide fl-ajru.
Iżda dan il-pjan ma kienx imqar qrib li jitwettaq meta l-pulizija intervjenew ftit tal-jiem ilu.
Sar magħruf ukoll li l-pulizija rkuprat il-komponenti u l-kimiċi waqt li l-ogħla uffiċjali tal-pulizija ma semmewx mira potenzjali għat-tagħmir inkwistjoni.
//= $special ?>