Leicester City saħħew l-attakk tagħhom bl-akkwist ta’ Kelechi Iheanacho mingħand Manchester City. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li l-Foxes ħallsu madwar €28 miljun għall-attakkant ta’ 20 sena, li ffirma kuntratt ta’ ħames snin fil-King Power Stadium.
Hu sar ir-raba’ akkwist tal-manager Craig Shakespeare wara l-akkwisti ta’ Harry Maguire, Vicente Iborra u Eldin Jakupovic. Manchester City jidher li għandhom l-għażla li jixtru l-plejer lura għal €55 miljun.
“Ninsab kuntent li nkun parti minn dan it-tim. Naf l-ambizzjoni tat-tim u meta tkellimt mal-manager qalli x’irrid nagħmel biex ngħin lit-tim jikseb dak li jridu. Hu tagħni l-kunfidenza li nidħol sew fit-tim u nittama li nilħaq diversi għanijiet,” qal Iheanacho.
Il-manager ta’ Leicester Craig Shakespeare żied jgħid li Iheanacho hu plejer mimli talent u wera dan f’kull livell li lagħab. Hu qal li segwew il-progress tiegħu għal xi żmien u jafu xi kwalità se jġib fit-tim. Shakespeare żied jgħid li l-plejer għadu żgħir u jinsab lest biex jgħaddi għal pass li jmiss fl-iżvilupp tiegħu, u jinsab kuntent li se jkun ma’ Leicester.
Iheanacho lagħab 28 logħba ma’ City l-istaġun li għadda taħt Pep Guardiola u skorja seba’ gowls. Iżda hu beda biss darba għal City fl-2017, fit-2 ta’ Jannar fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Burnley.
Iheanacho kien ingħaqad mal-akkademja ta’ City 2014 u għamel id-debutt mal-ewwel tim f’Awwissu tal-2015 fir-rebħa ta’ 2-0 fuq Watford. Hu skorja l-ewwel gowl għal City fit-tieni logħba mal-klabb, u skorja 13-il gowl ieħor fl-istaġun 2015/2016, fosthom tripletta kontra Aston Villa fl-FA Cup.
//= $special ?>