Ambjent Lokali

RITRATT: Salvata fil-bajja imsemmiha għaliha

Raġel barrani mfaħħar fuq Facebook wara li salva fekruna li kienet feruta

Tard ilbieraħ filgħaxija fil-bajja tal-Fekruna, raġel barrani salva fekruna li kienet f’diffikultajiet minħabba feriti li ġarrbet. Fil-post waslu ukoll żewġt irġiel mid-Dipartiment tal-Ħut illi taw l-assistenza fil-post, u ħadu l-fekruna għall-kura.

Fuq Facebook, Ann Marie Mamo faħħret lil dawn l-irġiel u lill-barrani illi kien “tassew qalbu tajba meta salva lil din il-fekruna”.

Dan il-każ seħħ l-għada illi tlett ifkieren intefgħu lura fil-baħar minn Nature Trust Malta. Dawn il-fkieren kienu ilhom xhur jingħataw kura minn Nature Trust Malta biex inħelsu l-Ħamis filgħodu f’Golden Bay.

Il-fkieren ingħataw l-isem ta’ Europa li għandha 3 snin, Myrtle li ghandha 8 snin u Moana li għandha 12-il sena.

Nature Trust Malta qed tappella lill-pubbliku nġenerali biex jikkuntatjawhom jekk jaraw xi fekruna f’diffikulta’. L-organizazzjoni qed tappella wkoll lis-sajjieda ta’ rieda tajba biex meta jaqtaw ix-xlief minn mal-fkieren jaqtawhom mal-15cm il bogħod minn ħalqhom u mhux aktar. B’hekk il-veterinarji jkun aktar faċli għalihom biex isibu s-sunnara f’ħalq jew fl-istonku tal-fekruna.