L-atleta mir-Renju Unit Mo Farah kiseb suċċess mill-aqwa quddiem il-pubbliku tiegħu stess hekk kif rebaħ il-midalja tad-deheb fl-10,000 metru waqt il-Kampjonati Mondjali tal-Atletika. Mo Farah daħal qabel Joshua Kiprui Cheptegei tal-Uganda billi rreġistra ħin ta’ 26:49.53’.
Fit-tielet post daħal Paul Tanui tal-Kenja. Il-ħin li għamel Farah kien ta’ tliet sekondi aktar mill-aqwa tiegħu.
L-atleta ta’ 34 sena kellu tellieqa mill-aktar diffiċli u kien lejn it-tmiem li żied fir-ritmu biex rebaħ din il-kaetgorija għat-tielet darba konsekuttiva. Għalih din kienet is-sitt darba li rebaħ id-deheb waqt il-Kampjonati Mondjali tal-atletika. Din ir-rebħa tasal ħames snin wara li hu rebaħ id-deheb waqt l-Olimpjadi li kienu saru f’Londra.
F’kummenti li ta Farah wara r-rebħa qal, “Kien hemm ħafna min jiddubitani u ma kinitx tellieqa faċli. Dan kien mument speċjali għalija għax qatt f’għomri ma sellimt lill-partitarji tiegħi wara rebħa flimkien mal-membri tal-familja tiegħi.”
Dan kien l-aqwa mod li bih temm il-karriera tiegħu fit-track għax hu kien diġa’ ħabbar li se jirtira mit-track qabel dawn il-Kampjonati.
Issa Farah se jkun qed jipprova jiddefendi anke t-titlu tal-5,000m u l-heats ta’ dawn jibdew nhar l-Erbgħa li ġej.
//= $special ?>