Elezzjoni Kap PN Lokali

FILMAT: Alex Perici Calascione jħabbar proposti dwar l-istrutturi u l-organizazzjoni tal-PN

Il-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione ħabbar numru ta’ proposti dwar kif irid isaħħaħ l-istrutturi u l-organizazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, Perici Calascione spjega li f’din l-elezzjoni, irid jitkellem mhux biss fuq kif il-Partit Nazzjonalista għandu jmexxi lil pajjiż, iżda fuq kollox dwar kif il-Partit Nazzjonalista għandu jinbidel biex jissaħħaħ.

“Din l-elezzjoni hija għal Kap tal-Partit, għal Kap tal-Oppożizzjoni u għal Prim Ministru futur,” spjega Alex Perici Calascione. “Jiġifieri aħna rridu nressqu ‘l quddiem kemm l-opinjonijiet u l-proposti tagħna għall-organizazzjoni tal-partit, kif ukoll il-viżjoni tagħna ta’ kif għandha taħdem u tagħmel il-ħidma l-Oppożizzjoni u eventwalment il-viżjoni tagħna għall-pajjiż. F’dan l-istadju, jien qed nikkonċentra fuq il-ħidma interna tal-Partit,” fisser il-kandidat għal Kap tal-Partit.

Alex Perici Calascione spjega li fost l-impenji tiegħu hemm li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiddjaloga mal-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija. Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jaġġorna l-politika b’konvinzjoni favur is-sewwa u mhux politika ta’ konvenjenza.

Irrefera wkoll għall-attivisti u l-Kumitati Sezzjonali, bil-kandidat għal Kap jgħid li għandu jkun hemm riformi biex il-Kumitati Sezzjonali jkollhom rwol politiku akbar. Semma wkoll l-AŻAD u l-proposta li din tkabbar il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet politiċi barranin biex tagħti l-aqwa għajnuna lill-kandidati, uffiċjali u attivisti tal-Partit.

Alex Perici Calascione ħabbar ukoll proposta li jitneħħa l-Uffiċju tal-Assistent Segretarju Ġenerali u minflok jiġu maħtura numru ta’ Diretturi li jkollhom ir-responsabilitajiet diversi tagħhom, fosthom Direttur ELCOM, Direttur Kunsilli Lokali, Direttur Kumitati Sezzjonali u Direttur Loġistika u Attivitajiet.

Temm jgħid li fuq kollox, il-politika tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun waħda li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.