Futbol Sport

Il-Ħadd il-finali taċ-Charity Shield bejn Chelsea u Arsenal

Fl-istaġun li għadda Chelsea rebħu l-kampjonat imma mbagħad tilfu l-FA Cup kontra Arsenal (ritratt)

Għada l-Ħadd fit-3pm fil-grawnd ta’ Wembley jingħata bidu għall-istaġun tal-futbol Ingliż bil-finali taċ-Charity Shield bejn Chelsea, rebbieħa tal-kampjonat u Arsenal, rebbieħa tal-FA Cup. F’Mejju li għadda Chelsea ġew inkurunati champions tal-Ingilterra fl-ewwel sena taħt it-tmexxija tal-manager Antonio Conte u dawn kellhom staġun mill-aqwa fejn matulu kisbu numru rekord ta’ rebħiet.

Ftit ġimgħat wara tilfu l-finali tal-FA Cup kontra Arsenal li minn naħa tagħhom kellhom staġun diżappuntanti u għall-ewwel darba f’ħafna snin ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League. It-tim immexxi minn Arsene Wenger temm fil-ħames post imma wieħed jista’ jgħid li bir-rebħa tal-FA Cup Wenger salva postu u kien offrut kuntratt ġdid mingħand id-diriġenti.

Jidher li s’issa, minkejja li l-Gunners ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League xorta waħda żammew lill-attakkant Alexis Sanchez li hu segwit minn diversi klabbs madwar l-Ewropa.
Mhux l-istess jista’ jingħid għall-attakkant ta’ Chelsea Diego Costa li ftit jiem wara li ntemm il-Premiership kien infumat permezz ta’ SMS mill-manager Conte li mhux se jkun qed jifforma parti mill-pjanijiet tiegħu għall-istaġun li ġej.

Minflok Diego Costa Chelsea akkwistaw lill-attakkant ta’ Real Madrid Alvaro Morata. Filwaqt li Morata mistenni jibda kontra Arsenal jidher li Eden Hazard u Tiemoue Bakayoko mhux se jagħmlu dan għax qed jirkupraw minn injury u jidher li dawn se jitilfu anke l-ewwel partita tal-kampjonat li se tintlagħab ġimgħa oħra kontra Burnley.

Għal Arsenal mistenni jibda l-akkwist il-ġdid Alexandre Lacazette li diġa’ ħalla impressjona tajba waqt il-preseason. Minkejja li Sanchez baqa’ mat-tim jista’ ma jkunx involut fil-logħba għax beda l-preseason tard minħabba li ikkompeta fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet maċ-Ċili.

F’kummenti li ta Wenger jiem qabel il-logħba qal li se jkun qed jittama li t-tim tiegħu jirrepeti l-wirja tal-finali tal-FA Cup meta dakinhar Arsenal rebħu 2-1.Conte, manager ta’ Chelsea qal li l-Blues se jagħmlu minn kollox biex mhux biss jibdew l-istaġun fuq nota tajba imma anke jpattu għat-telfa li sofrew kontra l-istess Arsenal ftit xhur ilu.

Statistika
Għall-ewwel darba sa mill-2007 il-finali taċ-Charity Shield se tkun ripetizzjoni tal-finali tal-FA Cup tal-istaġun preċedenti meta dakinhar Man Utd kienu għelbu lil Chelsea bl-għoti tal-penalties xhur wara li kienu tilfu kontrihom 1-0 fl-FA Cup.

Fatt kurjuż hu li r-rebbieħa tal-FA Cup qatt ma rebħu kontra l-istess avversarji fil-finali taċ-Charity Shield u dan ifisser li jekk Arsenal jirbħu l-konfront tal-lum jidħlu fl-istorja.

Il-finali tal-Ħadd se tkun it-tielet finali taċ-Charity Shield bejn Arsenal u Chelsea. Dawn tal-aħħar kienu rebħu l-konfront tal-2005 filwaqt li l-Gunners rebħu l-konfront ta’ sentejn ilu.

L-aħħar darba li t-tim li rebaħ iċ-Charity Shield baqa’ sejjer biex jirbaħ anke l-kampjonat kien dak ta’ Man Utd fl-2010.

Aħbar ħażina għal Liverpool
Liverpool se jkollhom jgħaddu mingħajr Adam Lallana għal diversi ġimgħat wara li dan weġġa’ fil-finali tal-Audi Cup kontra Atletico Madrid. Lallana diġa’ tilef it-tmiem tal-istaġun li għadda minħabba injury f’qgħaddu u issa wara li reġa’ weġġa’ se jitlef l-ewwel sitt partiti tal-Premiership kif ukoll il-play-off taċ-Champions League kontra Hoffenheim.

L-ewwel impenn ta’ Liverpool fil-kampjonat ikun nhar is-Sibt li ġej kontra Watford.