Nhar is-Sibt kienet fl-azzjoni l-Maltija Charlotte Wingfield li ħadet sehem fil-heats tal-100m. Hi kienet fil-heat numru 2 f’lane numru tmienja fejn għamlet id-distanza fi 11.82 sekondi biex spiċċat fit-tmien post. Il-ħin tagħha hu .01 ta’ sekonda aktar mill-ħin miksub f’Ġunju li għadda fl-aħħar dehra tagħha fil-Marsa fil-Kampjonat tal-Ewropa għat-Timijiet tat-Tielet Diviżjoni.
Kienet bla dubju l-aktar heat diffiċli mis-sitt heats fil-programm tat-tieni ġurnata tal-Kampjonati. Minkejja dan, ix-xita kontinwa li ħakmet l-Istadium Olimpiku seta’ kellha effett fuq l-atleti tant li l-heats kienu kollha ‘l bogħod mill-ħinijiet li wieħed seta’ jistenna.
Infatti fis-sitt heats, fost 47 atleta kienu tlieta biss li tejjbu l-aħjar ħin tagħhom. Apparti dan il-fattur, għal Wingfield seta’ kellu wkoll effett l-inkubu ta’ sentejn ilu meta fl-istess Kampjonati tad-Dinja f’Beijing spiċċat skwalifikata minħabba ‘false start’.
F’Londra frazzjoni ta’ sekonda biex dan ma jseħħx seta’ wkoll kellu effett. Kollox ma kollox il-11.82 sekondi jibqa’ ħin rispettabbli ħafna minkejja li ‘l bogħod mill-istess rekord nazzjonali tagħha ta’11.54 sekondi miksub fil-Kampjonati Nazzjonali f’Ġunju ta’ din is-sena. Fil-heats l-oħra kollha kien hemm atleti li għamlu d-distanza f’aktar minn 12 il-sekonda.
Il-heat ta’ Wingfield intrebħet minn Elaine Thompson tal-Ġamajka f’ħin ta’ 11.05 sekondi.
Ta’ konsolazzjoni għal Charlotte Wingfield huwa li l-ħin tagħha ta’ 11.82 sekondi kien biżżejjed biex ipoġġiha fil-35 post fost is-47 atleta li ħadu sehem fil-100 metru.